Lokali
Jintlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-MUMN dwar ħaddiema barranin fis-settur pubbliku

Il-Gvern u l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel l-MUMN laħqu qbil fuq numru ta’ kwistjonijiet fir-rigward ta’ infermiera u professjonisti oħra tas-saħħa ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea li jiġu ingaġġati fis-settur pubbliku.

Il-ftehim li tħabbar fi stqarrija konġunta bejn il-Gvern u l-MUMN, intlaħaq fi tmiem żewġ laqgħat bejn rappreżentanti tal-Gvern immexxija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar u l-MUMN immexxija minn Paul Pace.

Primarjament intlaħaq ftehim sabiex l-Aġenzija Identity Malta tibda toħroġ permess ta’ residenza għal tliet snin minflok kull sena għall-infermiera u professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa impjegati fis-settur pubbliku u l-familja immedjata taghhom, fuq kuntratt indefinit.

Il-kundizzjonijiet ġodda jkopru roħs sostanzjali fil-miżata li dawn il-ħaddiema jħallsu fuq l-applikazzjonijiet biex jaħdmu Malta u biex dawn l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati fi żmien ħmistax-il ġurnata xogħol.

Intqal ukoll li l-Aġenzija Identity Malta tibqa’ impenjata biex tiffaċilità kemm tista’ u ttaffi l-piż amministrattiv minn fuq dawn il-ħaddiema li qed jagħtu servizz tant importanti fis-settur tas-saħħa.