Saħħa
Jintlaħaq ftehim dwar prekawzjonijiet għall-ħaddiema tax-xatt u l-merkanzija minn fuq vapuri

L-imxija tal-Coronavirus kompliet tinfirex f’diversi pajjiżi fl-Ewropa, waqt li l-Italja l-iktar li għandha każi fl-Ewropa tidher li dieħla f’riċessjoni minħabba c-coronavirus. L-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin għal darb’oħra kkonferma li s’issa m’hawn l-ebda każ ta’ coronavirus f’Malta għalkemm bit-tħejjijiet f’każ li virus jidħol f’Malta minkejja l-prekawzjonijiet li qed jittieħdu.

Fl-aħħar sigħat intlaħaq ftehim dwar il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu biex il-ħaddiem tax-xatt fil-Port il-Kbir iħottu l-merkanzija minn fuq vapuri li ġew mill-Italja. Kelliem għal Transport Malta qal li l-ftehim intlaħaq qabel il-wasla ta’ żewġ vapuri bit-trailer fosthom fi provvisti għas-supermarkets.

Wara l-jum tal-bieraħ li kien karaterrizzat minn ansjetà mifrux fost ħafna nies dwar il-coronavirus, jidher li din l-ansjetà li fi kliem it-tobba mhux ġustifikata battiet għalkemm il-virus għadu attiv. Is-Supretendent tas-saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ikkonfermat ma’ TVM li sal-lum f’Malta m’hawn l-ebda każ tal-coronavirus waqt li qed ikompli jittieħdu l-prekawzjonijiet u jitħejjew pjan għal kull eventwalità fosthom biex jinstabu postijiet fejn jiġu iżolati pazjenti jekk ikollhom dal-virus.

Fil-programm Ras imb Ras fuq TVM, il-virologu Dr Chris Barbara qal li hawn ħafna iktar viruses li huma aggressivi mill-Coronavirus u appella għall-kalma.

Mistoqsi jekk hux iġġustifikat il-paniku jew le, Dr Barbara wieġeb ”Assolutament le.”

”Jittieħed bil-qtar, bin-nifsijiet, allura jien bilfors nista’ nkun espost jekk inkun ma’ xi ħadd ieħor, jew jekk immiss iddejja u mmiss wiċċi u nieħu l-virus. Imma każ ta’ allarm m’għandniex nagħmlu. Hemm ħafna iktar viruses li jistgħu jikkawżaw problemi.

Dr Barbara li jmexxi l-laboratorji fl-Isptar Mater Dei, qal li l-awtoritajiet lilhom mix-xahar l-ieħor għaddejjin b’laqgħat dwar kif għandhom jilqgħu għall-Coronavirus.

”Hemm kontinġenza u qed isiru pjanijiet li jekk ikollok kwantitajiet kbar ta’ infezzjonijiet fejn l-istrateġija se tpoġġi lil dawn in-nies u nista’ ngħidlek li hemm pjan qed jiġi mfassal u fi ftit ġranet ħa jkollna pjan konkret.”

Dr Barbara qal li madwar id-dinja kien hemm 2,500 ruħ li mietu bil-Coronavirus. Spjega li ħafna minnhom anzjani b’kumplikazzjonijiet oħra, waqt li 80,000 ruħ li kellhom il-Coronavirus fiequ. Żied li jkunu rreġistrati aktar imwiet kawża tal-influwenza staġjonali, anke jekk hemm tilqima għaliha. Qal li saru avvanzi biex ikun hemm kura għall-Coronavirus ukoll.

”F’dal każ m’għandniex tilqima imma nafu li l-Amerikani u l-Awstralja resqin viċin ħafna u qed jipprovaw tilqima fuq in-nies.”

Il-union tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN iżda tenniet il-pożizzjoni tagħha li tħoss li l-pajjiż mhux preparat għall-virus, fosthom billi hemm 14-il sodda biss ta’ iżolament fl-isptar u nuqqas ta’ taħriġ għall-infermiera.

Il-union tal-għalliema qed tirrakkomanda sensiela ta’ prekawzjonijiet fl-iskejjel. Fost oħrajn qalet li attivitajiet li mhux neċessarji m’għandhomx isiru fosthom ukoll l-assemblies fil-magħluq. Appellat ukoll biex ikun hemm sapun jew hand sanitizers fl-iskejjel u biex l-għalliema ma jikkoreġux xogħol ta’ studenti li jkunu ma jifilħux.

 

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Inġiniera mill-Università ta’ Malta qed jibnu apparat li jiddiżinfetta l-maskli, bil-għan li dawn ma jintużawx darba biss u jintremew. Qalet dan fi stqarrija l-Università ta’ Malta, li saħqet li dan…

COVID-19

HSBC Bank Malta nieda serje ta’ miżuri addizzjonali biex dejjem aktar jappoġġja lin-negozji milquta b’mod negattiv mit-tixrid tal-Covid-19.  Dawn il-miżuri ġodda tfasslu speċifikament għal dawk il-klijenti li qegħdin jiffaċċjaw tfixkil…

Ekonomija u Finanzi

Sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda, il-Gvern kellu surplus ta’ €9,400,000 fil-fond konsolidat, filwaqt li f’Diċembru tal-2018, il-fond konsolidat kellu defiċit ta’ aktar minn €70 miljun. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li…

Lokali

Fl-2018, Malta kellha t-tieni l-akbar tnaqqis fl-għoti taċ-ċittadinanza waqt li l-akbar numru ta’ ċittadini barranin li kkwalifikaw għaċ-ċittadinanza Maltija kienu mir-Renju Unit. Skont ċifri tal-Eurostat, fl-2018, Malta tat iċ-ċittadinanza tagħha…

Aktar