AĠĠORNAT (2): Qbil bejn il-Gvern u l-familja Caruana Galizia fuq l-inkjesta pubblika

Il-Gvern ħabbar li laħaq ftehim mal-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia b’rabta mal-membri u t-termini ta’ referenza tal-Inkjesta Pubblika Indipendenti.

Fi stqarrija l-Gvern qal li wara diversi laqgħat bejn rappreżentanti tal-Gvern u l-familja Caruana Galizia u r-rappreżentanti tagħhom, intlaħaq ftehim dwar bidliet fil-kompożizzjoni tal-bord tal-inkjesta pubblika u dwar it-termini ta’ referenza għall-istess bord.

Intqal li l-Imħallef Emeritu Michael Mallia se jibqa’ jokkupa r-rwol ta’ chairperson. Intlaħaq ftehim dwar il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro bħala l-membri l-ġodda. Min-naħa l-oħra, il-Professur Ian Refalo u Dr Anthony Abela Medici, li kienu ġew nominati bħala membri fuq il-Bord, irtiraw l-aċċettazzjoni tagħhom biex iservu fil-bord. Dawn kienu għadhom ma ħadux il-ġurament. Saru wkoll konsultazzjonijiet mal-Prim Imħallef biex jiġu mitigati xi effetti negattivi li jista’ jkun hemm fuq l-amministrazzjoni tal-każijiet attwali li għandha l-Imħallef Abigail Lofaro.

Riżultat tad-diskussjonijiet li saru bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Avukat Ġenerali Peter Grech għan-naħa tal-gvern u l-membri tal-familja Caruana Galizia u l-avukati tagħhom Joseph Zammit Maempel u Therese Comodini Cachia, intlaħaq qbil ukoll li jiġu varjati t-termini ta’ referenza tal-bord tal-inkjesta li għandu jikkonkludi din l-inkjesta fi żmien disa’ xhur, u r-rapport tagħha għandu jiġu pubblikat fi żmien tmint ijiem wara li jkun ingħata lill-Prim Ministru, għalkemm il-bord għandu jindika liema partijiet tar-rapport m’għandhomx jiġu pubblikati, għalkemm il-familja Caruana Galizia ser ikollha d-dritt li taqra r-rapport sħiħ, iżda bl-obbligu li ma tiżvelax il-partijiet riservati.

Il-familja Caruana Galizia tirreaġixxi

Fost it-tmien punti fit-termini ta’ referenza hemm li din l-inkjesta għadha titmexxa b’mod li ma timpedix u ma tikkompromettix xi investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali l-integrità tagħha. Il-bord jista’ jiddeċiedi li jagħmel seduti partikolari bil-magħluq jew jagħmel restrizzjonijiet fuq l-iżvelar u l-pubblikazzjoni ta’ dokumenti u xhieda b’mod li tkun protetta l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni u informazzjoni oħra li tkun protetta bil-liġi. Fost oħrajn il-bord tal-inkjesta ser ikollu l-aċċess għall-informazzjoni kollha miżmuma minn entitajiet tal-istat. Ara hawn it-termini ta’ referenza l-ġodda: Termini ta’ Referenza.

Intant, fi stqarrija l-familja Caruana Galizia qalet li sejħiet tas-soċjetà ċivili, tal-Kunsill tal-Ewropa u tagħha għal inkjesta indipendenti u imparzjali fl-aħħar ser titwettaq. Żiedet tgħid li l-Gvern issa għandu jagħti l-appoġġ u jikkopera mal-bord tal-inkjesta biex jiġu investigati mingħajr telf ta’ żmien iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u biex tkun tista’ ssir il-ġustizzja restorattiva. Il-familja Caruana Galizia żiedet tgħid li l-inkjesta tingħata r-riżorsi suffiċjenti biex twettaq il-ħidma u li l-Gvern jimplimenta r-rakkomandazzjoni tagħha.

Reazzjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni

U fi stqarrija oħra, il-Kap tal-Oppiożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li kellhom jgħaddu sentejn biex il-Gvern jaċċetta li jagħmel dmiru, u f’dawn is-sentejn, filwaqt li naqas milli jipproteġi l-interess pubbliku, għadda lil pajjiż minn skrutinju u kritika qawwija. Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jawgura li l-inkjesta timxi mingħajr ostakli u jistenna li r-rapport tal-inkjesta jiġi ppubblikat kollu.

Reazzjoni mill-għaqda Repubblika

L-għaqda Repubblika qalet li b’hekk sar pass żgħir għall-verità u ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Qalet iżda li baqa’ triq twila għal dan il-għan, u żiedet tgħid li jekk tonqos imqar ftit il-viġilanza u l-pressjoni biex issir magħrufa l-verità, il-gvern jagħmel minn kollox biex jostorha.

Reazzjoni mill-Partit Laburista

Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista qal li l-gvern reġa’ wera trasparenza assoluta għaliex m’għandux minn xiex jiddejjaq li toħroġ il-verità, waqt li sostna li Dr Delia mhux kredibbli meta jitkellem fuq l-inkjesti.

Aħbarijiet Oħra
Temp

It-tieni Sibt ta’ Diċembru kien karatterizzat minn riħ b’qawwa ta’ riefnu li mistenni jibda jċedi fis-sigħat li ġejjin. Ir-riħ qawwi ikkawża ħsarat fi djar u karozzi, qaċċat siġar, ħassar attivitajiet,…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-pajjiż hu ‘l fuq mill-partiti u waqt li akkuża lill-amministrazzjoni kollha tal-pajjiż b’kompliċità għal kriżi ta’ bħalissa, qal li l-Partit Nazzjonalista fassal proposti…

Temp

Kmieni dalgħodu, parti mit-tinda protettiva tat-tempji ta’ Ħaġar Qim fil-Qrendi, iċċartet minħabba r-riħ qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin. Għaldaqstant, Heritage Malta għalqet l-aċċess għat-tempji għal xi ħin sakemm ġie aċċertat…

Aktar