Qorti
Jinżamm arrestat ir-raġel akkużat li wettaq serqa b’sikkina fuq mara

Ir-raġel mill-Gambja akkużat li wettaq serqa b’sikkina fuq mara f’Tal-Pietà tressaq il-Qorti u baqa’ miżmum arrestat.

Abubacarr Darbo ta’ 24 sena, li m’għandux residenza fissa u ma jaħdimx  ġie akkużat li nhar il-Ħamis bejn l-għaxra u l-għaxra u kwart ta’ filgħaxija poġġa sikkina m’għonq Kolumbjana ta’ 27 sena li kienet miexja fi Triq Telgħet Gwardamanġa,  talabha l-flus u serqilha l-mobile. Huwa nqabad mill-pulizija madwar għoxrin minuta wara sar ir-rapport.

Darbo ma ammettiex l-akkużi kontrih, bid-difiża ma talbietx għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat u baqa’ miżmum arrestat.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Roderick Attard, l-avukat Joe Brincat deher għall-akkużat bħala avukat tal-għajnuna legali.