Qorti
Maġistrat tagħti piż lil ksur ta’ digriet tal-Qorti tal-Familja f’każ ta’ vjolenza domestika

Raġel ta’ 36 sena li jgħix il-Pietà u li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti tressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace wara li bagħat messaġġi lill-ex sieħba u mar quddiem il-bieb tad-dar tagħha biex jieħu sodisfazzjon dwar l-aċċess, ħaġa li skont digriet tal-Qorti tal-Familja ma setax jagħmel.

Hu ġie akkużat fost oħrajn li ffastidja lill-eks sieħba tiegħu li tiġi omm ibnu, li kkawżalha vjolenza psikoloġika, li kkaġuna biża li se tintuża vjolenza kontriha, li heddidha b’messaġġi fuq il-mobile u għajjarha. L-akkużat wieġeb li mhux ħati.

L-Ispettur Eman Hayman qal li f’seduta fil-Qorti tal-Familja, Imħallef kien ordna lill-akkużat ma jersaqx lejn l-ex sieħba, iżda dan id-digriet m’għandux saħħa bħal ordni ta’ protezzjoni maħruġa waqt każ quddiem qorti kriminali. Il-Maġistrat Micallef Stafrace tat piż ‘l dan id-digriet u fl-isfond ta’ ksur ta’ ordni tal-Qorti tal-Familja ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.