Qorti
Jinżamm arrestat wara li daħal jisraq anzjan f’daru

Raġel b’rekord kriminali baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li daħal għand anzjan biex jisirqu.

James Demanuele ta’ 46 sena daqq il-qanpiena ta’ dar ta’ anzjan fil-Ħamrun il-Ħadd li għadda u ppoża ta’ persuna li qed tigbor flus għall-qassis.

Hekk kif l-anzjan daħħlu ġewwa, Demanuele ħebb għall-anzjan, ħataflu basket u disa mitt ewro u ħarab minn fuq il-post.

Kienu filmati ta’ kameras tas-sigurtà li għenu l-pulizija mit-taqsima ta’ Reati Magguri jsegwu l-passi ta’ Demanuele u jagħmlu tfittxija f’guesthouse fl-Imsida fejn jgħix. Hemmhekk sabu l-ħwejjeġ identiċi għal dawk li libes is-suspettat fis-serqa.

Fil-qorti, Demanuele, li m’għandux xogħol u residenza fissa, ġie akkużat ukoll li huwa riċediv b’sentenzi oħra tal-Qorti. Huwa ċaħad l-akkużi u talab għall-ħelsien proviżorju bil-qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, tiċħad it-talba tiegħu.