Qorti
Jinżamm arrestat wara li kien mixli b’attentat ta’ qtil

Gordon Calleja ta’ 44 sena minn Ħal Luqa tressaq il-Qorti mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Nicholas Bezzina u li kkaġunalu ġrieħi gravi. Huwa kien akkużat ukoll li seraq €400 lil Bezzina, li kellu fil-pussess tiegħu arma rregolari, li kien qed iġorr arma mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija u li kiser il-kwiet pubbliku.

Il-każ seħħ nhar it-Tnejn li għadda għall-ħdax ta’ filgħodu xħin il-vittma li jaħdem f’pastizzerija qrib il-knisja ta’ Ħal Luqa safa ferut b’daqqa ta’ sikkina f’għonqu u mar l-għassa tal-Pulizija jitlob l-għajnuna. Allegatament, Calleja baqa’ jistenna lill-vittma barra l-għassa u xħin lemaħ lill-Pulizija ħerġin mill-għassa biex jarrestawh, ħarab minn fuq il-post b’karozza.

Huwa ġie arrestat ftit minuti wara fid-dar tiegħu f’Ħal Luqa, filwaqt li l-vittma ttieħed l-isptar fejn għamel xi ħin iċċertifikat f’kundizzjoni kritika. Fil-Qorti l-ispetturi Kurt Zahra u Pawlu Camilleri qalu li wara l-każ, Calleja ttieħed l-isptar Monte Carmeli u l-konsulent Anthony Zahra li hu nkarigat minnu, irrakomanda li wara l-proċeduri fil-Qorti, għandu jerġa’ jittieħed l-isptar biex ikompli l-kura.
Permezz tal-avukat tal-għajnuna legali Noel Bartolo, l-akkużat li qal li jaħdem mal-mara fil-ħwienet tal-ħwejjeġ, wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo rrakkomandat biex l-akkużat ikompli l-kura meħtieġa fl-isptar Monte Carmeli.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Fix-xhur tas-sajf, meta ħafna mill-iskejjel ikunu baħħ, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħa l-okkażjoni jwettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ u faċilitajiet ġodda fi kważi 100 skola tal-Gvern madwar Malta u Għawdex. Ħafna…

Kultura

Għaddej ir-restawr tal-eqdem binja fil-Mellieħa . . . kumpless ta’ tmintax-il kamra li kienu nbnew biex joffru spazju għal ftit ħin ta’ mistrieħ lill-pellegrini li jżuru s-santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Il-qagħda…

Kostruzzjoni

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) tikkundanna r-rimi illegali ta’ skart tal-kostruzzjoni f’postijiet pubbliċi. Dan l-assoċjazzjoni qalitu fi stqarrija wara t-tħassib li wera l-pubbliku fuq il-media soċjali, f’dak li għandu x’jaqsam mar-rimi ta’…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern ma jistax jindaħal biex iwaqqaf kawżi ċivili li jkunu nfetħu minn ċittadini privati jew minn terzi kontra ġurnalisti li jkunu ġew nieqsa u…

Aktar