Qorti
Jinżamm arrestat wara li darab żewġ Pulizija li marru jwaqqfuh milli jkompli jagħmel l-istorbju f’bar

Raġel minn San Pawl il-Baħar inżamm fil-kustodja tal-Pulizija wara li kien akkużat li darab ħafif żewġ uffiċċjali tal-Pulizija li marru jinvestigaw storbju li kien qed jagħmel f’bar fil-Marsa.

Alan Grech ta’ 43 sena ġie akkużat li insulta jew hedded liż-żewġ uffiċċjali tal-Pulizija, li darabhom ħafif, li kien qed isuq mutur mingħajr liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika u li ġie riċediv.

L-Ispettur Wayne Camilleri spjega fil-Qorti kif intalab l-intervent tal-Pulizija f’bar fil-Marsa lbieraħ filgħodu fejn sabu lill-akkużat jagħmel l-istorbju.  Żied jgħid li meta ra lill-Pulizija, l-akkużat ma kkoperax mill-ewwel u rreżista l-arrest.

L-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh, bl-avukat Joseph Brincat jitlob lill-Qorti biex tagħtih il-libertà proviżorja.  L-avukat argumenta li Grech kien ilu f’relazzjoni 18-il sena u kellu t-tfal, bl-omm għadha kif mietet riċentament u kien qed isibha diffiċli biex jadatta għal dawn iċ-ċirkostanzi.

L-Ispettur Camilleri oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest u qal li r-raġel darab żewġ uffiċċjali tal-Pulizija u kien diġà darab xi Pulizija anke fil-passat tant li hu riċediv.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, qalet li mhix konvinta li l-akkużat mhux se jwettaq xi reat ieħor u għalhek ċaħdet it-talba li saret għall-ħelsien mill-arrest u baqa’ miżmum fil-kustodja tal-Pulizija.