Qorti
Jinżamm arrestat wara li ġie akkużat b’moħqrija fuq debba f’Għawdex

Niġerjan ta’ 22 sena li joqgħod ir-Rabat Għawdex qal fil-Qorti li ġimagħtejn ilu daħal fi stalla privata fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija u f’waqt minnhom inqabad mill-kameras tas-sigurtà niżżel il-qalziet li kien libes, mhux biex ikollu x’jaqsam mad-debba żgħira iżda għax kien fi stat ta’ sakra u qabditu l-awrina. Fil-Qorti t’Għawdex, Robert Omo xehed li ma jiftakarx li beda jipprova jsawwat lid-debba, iżda ammetta li għandu problema kbira tal-alkoħol.

Fis-sottomissjonijiet għad-difiża, it-Tabib Mario Scerri qal li l-prosekuzzjoni naqset milli ġġib provi ta’ moħqrija tad-debba u spjega li meta xi ħadd allegatament iwaddab oġġett fid-direzzjoni ta’ annimal, ma jfissirx moħqrija ta’ annimal. Dr Scerri fakkar kemm il-bhejjem jinħaqru waqt it-tiġrijiet li jsiru. Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li hu kontra t-tiġrijiet tal-bhejjem fit-toroq u ordna li ż-żagħżugħ jinżamm arrestat sakemm tingħata s-sentenza fid-29 t’Ottubru li ġej.