Qorti
Jinżamm arrestat wara li ħebb għall-pulizija u kisser ħġieġ ta’ karozzi b’ħadida fil-Qawra

Niġerjan ta’ 25 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li ħebb għal uffiċjali tal-Pulizija li arrestawh fuq tkissir ta’ ħġieġ ta’ karozzi fil-Qawra.

Timothy Obiagebna, li jgħix San Pawl il-Baħar, kien mixli quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li ħebb għal żewġ pulizija u kkaġunahom ġrieħi ħfief, li m’obdiex l-ordnijiet tagħhomu li kkaġuna ħsara fi propjetà privata.

L-Ispettur Ryan Vella, li qed imexxi l-prosekuzzjoni f’dan il-każ, spjega kif Obiagebna ntlemaħ mill-pulizija ħdejn il-knisja tal-Qawra b’sikkina twila 20ċm, pajp tal-metall u furkettun.

Huwa żied li ż-żagħżugħ poġġa dak li kellu mal-art imma beda jirreżisti lill-pulizija meta arrestawh tant li kellhom jużaw il-‘pepper spray’.

Permezz tal-Avukat Daniel Attard huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi madankollu baqa’ jinżamm taħt arrest.