Qorti
Jinżamm arrestat wara li hedded lill-ġenituri biex jagħtuh il-flus

Il-flus għad-droga waslu raġel ta’ 37 sena l-Qorti wara li allegatament hedded u beżża’ lill-ġenituri tiegħu biex ituh il-flus.

Ir-raġel li ma ammettiex l-akkużi u li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti baqa’ miżmum arrestat wara li l-Qorti ċaħdet talba għall-ħelsien mill-arrest.

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni qalet kif il-Ġimgħa l-pulizija rċiviet rapport mingħand il-ġenituri tar-raġel, li qalu kif allegatament ġew mhedda għaliex beda jitlobhom il-flus sabiex jixtri d-droga. Il-prosekuzzjoni qalet kif din ma kinitx l-ewwel darba li allegatament talab il-flus lill-ġenituri sabiex jixtri d-droga. Il-qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello rrakomandat lid-Direttur tal-Ħabs biex l-imputat jingħata l-għajnuna meħtieġa.