Lokali
Jinżamm arrestat wara li kien akkużat li ħebb għal żewġ membri tal-familja tiegħu

Darryl Camilleri ta’ 26 sena li jgħix il-Mellieħa, tressaq il-Qorti mixli b’akkużi ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ membri tal-familja tiegħu.

L-Ispettur Joanna Piscopo qalet lill-Qorti li kienet diġà taf lil Camilleri fuq każ simili li seħħ f’Ottubru li għadda. Qalet li l-akkużat għandu problema ta’ xorb alkoħoliku u anki ta’ droga.

Issa reġa’ sab ruħu l-Qorti akkużat b’akkużi li ħebb u hedded lil żewġ membri tal-familja tiegħu, li għamel il-ħsara fil-proprjetà tal-familja tiegħu u li kiser il-mistrieħ tan-nies, kif ukoll li kiser ordni ta’ probation u li rrenda ruħu riċediv.

Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi kontrih, bl-avukat Ryan Ellul jitlob għall-ħelsien mill-arrest. Qal li minn Ottubru ‘l hawn il-probation officer qatt m’għamlet kuntatt miegħu u hu minn jeddu għax irid ibiddel ħajtu u jħalli l-passat warajh, mar minn jeddu għand is-Sedqa. Qal li għandu wkoll problemi ta’ saħħa mentali. Żied li l-akkużat, se jibda jaħdem mill-ġimgħa d-dieħla bħala uffiċjal liċenzjat tas-sigurtà u huwa deċiż li malli jkollu t-tieni paga, jikri post fejn joqgħod.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għax l-akkużat għadu jgħix taħt l-istess saqaf tal-vittmi tiegħu u hemm il-biża ta’ ntraċ tal-provi. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u rrakkomandat li l-akkużat jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Carmeli.