Qorti
Jinżamm arrestat wara li kien akkużat li kellu 15-il gramma kokaina

Rosario Caruso, Sqalli ta’ 48 sena li jgħix il-Gżira ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu ħmistax-il gramma droga kokajina li hija suspettata li kienet għat-traffikar.

L-Isqalli ġie arrestat jumejn ilu, u wara tfittxija fir-residenza u fil-vettura tiegħu, il-pulizija sabet mal-20 qartas bid-droga  u madwar €3,000  fi flus kontanti.

L-avukat Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat,  u l-ispettur Jonathan Ransley oġġezzjona. Huwa spjega fil-qorti li kien ingħata l-libertà proviżorja f’każ ieħor u anke kien ħarab.  Argumenta li mhux idoneu li jobdi u jimxi mal-ordnijiet tal-qorti.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba tad-difiża minħabba nuqqas ta’ affidabilità. Qalet li l-Qorti mhijiex sodisfatta li se joqgħod għall-kundizzjonijiet li timponilu anke minħabba n-natura tar-reati.