Qorti
Jinżamm arrestat wara li kien akkużat li ta fastidju sesswali lil tliet nisa fi skola

Joseph Borg inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti li ta fastidju sesswali lil tliet nisa impjegati ma’ kumpanija tas-sigurtà fi skola.

Viżibilment anzjuż, ir-raġel ta’ 61 sena, residenti Wied il-Għajn u li jaħdem bħala receptionist wieġeb mhux ħati li kien jitlob pjaċiri u favuri sesswali lil tliet nisa, li l-età tagħhom hija, 50, 52 u 60 sena.

Id-difiża qalet li dan huwa każ partikolari u temmen li l-akkużat, li għandu kondotta nadifa, għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Madanakollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ ta’ intaċċ ta’ provi. Spjegat li fadal ħames persuni jixhdu u wieħed minnhom hu ħabib tiegħu.

Dwar dan, id-difiża qalet li Borg se jobdi l-kundizzjonijiet li jiġu imposti fuqu. Qalet li għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest ukoll minħabba kundizzjoni ta’ saħħtu, fosthom ġimgħa ilu kellu jiddaħħal l-isptar minħabba pressjoni għolja ħafna.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.