Qorti
Jinżamm arrestat wara li kien mixli b’kompliċità f’serqa vjolenti fuq koppja fil-Ħamrun

Żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Eritrea baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda kien involut f’hold-up bl-użu tal-vjolenza fuq koppja li toqgħod fi Triq Joe Sciberras, il-Ħamrun.

Ermias Gebrezegeabher ġie mixli li fl-10 t’Ottubru bejn is-0200 u s-0230, hu u żewġ persuni oħrajn allegatament aggredew mara u kkaġunawlha ksur f’saqajha waqt li darbu ħafif lir-raġel li kien magħha. It-tliet irġiel ħarbu minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti li ma jaqbiżx l-elfejn ewro.

L-Ispetturi Stephen Gulia, Lydon Zammit u Stacy Attard qalu li tnejn mit-tliet suspettati nstabu mill-ewwel u tressqu l-Qorti lbieraħ waqt li l-akkużat instab fl-aħħar sigħat u llum tressqu l-Qorti mixli b’kompliċità. L-akkużat kien assistit mill-Avukat Joseph Bonnici.