Lokali
Jinżamm arrestat wara li nqabad bid-droga u ħarab mill-Pulizija

Raġel li ħarab mill-Pulizija spiċċa nqabad jumejn wara u tressaq il-Qorti akkużat li kellu fil-pussess tiegħu l-eroina li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Lyon Bonnici ta’ 29 sena mill-Furjana kien akkużat ukoll li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li kien riċediv.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat kien twaqqaf mill-Pulizija fis-1am nhar it-22 ta’ Jannar u kienu sabulu d-droga.Hekk kif ġie infurmata li jinsab taħt arrest huwa ħarab minn fuq il-post. Huwa ġie arrestat jumejn wara.

Lyon Bonnici wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih bid-difiża targumenta li huwa ħarab għax ippanikkja u qalet li meta ġie arrestat kien sejjer l-għassa tal-Pulizija.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li r-raġel ħarab mill-arrest tal-Pulizija.