Lokali
Jinżamm arrestat wara li nqabad bid-droga

Raġel ta’ 54 sena mill-Olanda residenti f’San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li kien akkużat b’pussess ta’ kokaina li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Min-naħa tiegħu r-raġel wieġeb li mhux ħati.

Fil-Qorti nstema’ kif 2 pulizija kienu qed josservaw lir-raġel wara li kellhom informazzjoni li kien qed ibigħ id-drogi.

Intqal li lemħu lir-raġel għaddej bil-mutur b’borza sewda miegħu. Meta twaqqaf u l-pulizija fittxew, fil-borza nstabu 3 blokok ta’ sustanza bajda suspettata kokaina. Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qalet li l-piż tad-droga kien madwar kilo.

Spjegat li fi tfittxija oħra fl-appartament tal-akkużat sabu blokka oħra ta’ sustanza bajda maħsuba kokaina u boroż oħra bid-droga. Magħhom instabet il-kannabis u €3,000 fi flus kontanti.

Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi tiegħu.