Qorti
Jinżamm arrestat wara li ta daqqa ta’ ponn fi mnieħer is-sieħba tiegħu f’Bormla

Gareth Chlach ta’ 22 sena li jgħix Bormla nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li weġġa’ lis-sieħba tiegħu.

Huwa kien akkużat li nhar il-Ġimgħa li għadda, ikkawża ġrieħi gravi lis-sieħba tiegħu f’Bormla u heddidha li se tintuża l-vjolenza fil-konfront tagħha. Huwa ġie akkużat ukoll b’pussess tad-droga u li hu reċediv.

Fil-Qorti, l-Ispettur Eman Hayman qal li l-vittma kellha ġrieħi gravi fi mneħirha kawża ta’ daqqa ta’ ponn. Spjega li r-relazzjoni tagħhom kienet ilha għaddejja 8 xhur. Qal li l-argument beda fuq l-użu tal-mobile tal-vittma. Kompla jgħid li l-imputat għandu problema tad-droga u li ġie arrestat ilbieraħ wara li mar minn jeddu fl-Għassa ta’ Bormla. Huwa għamel dan wara li l-vittma tellgħet filmat live fuq Facebook li fih allegat li kienet għadha kif ġiet aggredita f’darha.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tal-każ u l-biża’ ta’ intraċċi tal-provi.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba mill-ħelsien mill-arrest u rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex l-akkużat jinżamm fit-taqsima tal-forensika jew fit-taqsima għall-persuni vulnerabbli minħabba l-vizzju tad-droga. Meta l-Qorti, ordnat li jinżamm arrestat, l-akkużat qal li l-ħabs mhux tajjeb għalih u “hemmhekk se nitgħallaq”.