Lokali
Jinżamm arrestat wara li talab il-flus bl-iskuża li waqfitlu l-karozza

Russel Bugeja qed jiffaċċja akkużi li ffroda diversi persuni wara li talabhom il-flus bl-iskuża li waqfitlu l-karozza.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest ma ntlaqgħetx mill-Qorti iżda ordnat lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jagħtu l-għajnuna lil Bugeja biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Kienu għexieren il-persuni li waqgħu għal-lixka frodista ta’ koppja li allegatament waqqfu numru ta’ karozzi u talbuhom il-flus bl-iskuża li kellhom bżonnhom għat-towing tal-karozza li qalu kienet waqfitilhom.

Fil-fatt il-karozza ma kinetx waqfitilhom u qatt ma rritornaw il-flus kif kienu wegħdu lil dawk li silfuhomlhom.

Wieħed mill-persuni implikati, Russel Bugeja tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Audrey Demicoli u ġie akkużat mill-Ispettur Godwin Scerri li bejn Marzu u April allegatament qarraq b’numru ta’ persuni u għamel qligħ minn frodi li ma jaqbiżx il-€500.

Bugeja, li qal li huwa kaptan, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u huwa reċediv. Huwa talab il-qorti biex jingħata kura għal-vizzju tad-droga b’xahar għar-rijabilitazzjoni fid-Drug Dependency Unit. Il-Maġistrat irrakkomandat lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jgħinu lil akkużat jegħleb il-vizzju tad-droga.

F’kummenti ma’ Television Malta, l-Ispettur Scerri qal li filwaqt li huwa tajjeb li wieħed jagħmel il-karità, appella lil pubbliku biex ikun kawt u juża moħħu.

“Normali li persuna jwaqqfek għax ikollu bżonn l-għajnuna, ma fiha xejn ħażin u ma fiha xejn ħażin li titlob għall-għajnuna, iżda dak li jkun qabel jieqaf għandu jara eżatt iċ-cirkustanzi x’inhuma u jekk jaħseb li jkun hemm periklu jkun aħjar li jibqa’ għaddej” qal l-Ispettur.

Qal li kien hemm għadd ta’ persuni li sfaw vittma ta’ dan il-frodi, u appella biex kull minn ġie mqarraq b’dan il-mod, jagħmel rapport lill-Pulizija.

“Jekk hemm persuni li għaddew minn din is-sitwazzjoni u għadhom ma rrappurtawx u jħossuhom li ġew scammed jew iffrodati, inħeġġiġhom li jmorru fi kwalunkwe għassa u jirrappurtaw biex il-Pulizija tkun tista’ tinvestiga”, qal l-Ispettur.

Huwa mifhum li l-valur ta’ flus li ntalbu u nġabru kienu jvarjaw bejn ħames sa ħamsin ewro, u li l-karozzi twaqqfu f’diversi nħawi fosthom f’San Pawl il-Baħar u Birkirkara.

Ara wkoll:

“Mhux soltu nibla’ xi ħaġa hekk imma kienu atturi tajbin” – jitkellmu iktar nies li ngidmu