Lokali
Jinżamm arrestat wara sejba ta’ droga fil-Marsa

Sedat Bojand, immigrant ta’ 28 sena mill-Gambja nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li lbieraħ kellu fuqu 11-il borża bil-kannabis fi Ġnien il-Belveder fil-Marsa.

Ir-raġel ġie arrestat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit wara li nqabad ukoll bi droga sintetika ġdida li ma kinitix għall-użu personali tiegħu.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u insistiet li l-akkużat ried inaddaf ismu għax id-droga nxtrat għall-użu personali tiegħu.

L-Ispettur Justine Grech oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest u qalet li l-akkużat ma jaħdimx u m’għandu ebda rabta ma’ Malta. Hija żiedet tgħid li jkun xi jkun l-eżitu dwar dan il-każ, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni mistennija jsgwu l-każ biex jiddeportawh minn Malta.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest peress li l-akkużat m’għandux indirizz fiss u minħabba l-biża’ li jaħrab.