Qorti
Jinżammu arrestati 2 Taljani akkużati b’importazzjoni u traffikar ta’ 55kg droga

Żewġ Taljani, Vito Potenza ta’ 34 u Antonio Saponara ta’ 35 sena nżammu arrestati wara li ġew mixlija b’importazzjoni u traffikar ta’ 55 kilogramma kannabis.

L-akkużati, it-tnejn residenti Malta, inqabdu mill-pulizija nhar l-Erbgħa f’operazzjoni bejn l-iskwadra ta’ kontra d-droga u l-RIU wara li ċċirkondaw il-lanċa li kienu fuqha u li kienet għadha kemm trakkat ma’ moll f’Wied il-Għajn.

Il-pulizija arrestat Taljan ieħor ta’ 54 sena li kien qed jistenniehom max-xatt. Tal-aħħar għadu miżmum mill-pulizija.

Id-droga kannabis instabet f’diversi boroż tal-plastik f’sitt xkejjer tad-drapp moħbija f’partijiet differenti tal-lanċa. Il-valur tad-droga misjuba fit-triq ilaħħaq mas-€750,000. Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tat-Taljani fejn instab ammont żgħir tal-pjanta kannabis u sustanza bajda, allegatament droga kokaina. Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli.

L-akkużati ċaħdu l-akkużi bil-Qorti tordna li jibqgħu taħt arrest.

Ara wkoll:

Arrestati tliet persuni f’qabda ta’ 55kg kannabis fuq lanċa tas-sajd f’Wied il-Għajn