Lokali
Aġġornata: Jinżammu arrestati wara li daħlu Malta b’70 kilo droga

Il-Pulizija tħoss li farket parti minn ċirku kbir ta’ traffikanti tad-drogi meta l-Erbgħa filgħaxija interċettat il-konsenja ta’ 70 kilò reżina tal-kannabis fl-Għadira. Fuq il-każ, il-pulizija resqet il-qorti l-ewwel żewġ persuni, il-Mosti Michael Aquilina u t-Taljana Greta Grassi. Aquilina mhux wiċċ ġdid lanqas għall-pulizija Taljana li fuq dal-każ ħadmet id f’id mal-pulizja Maltija biex saret waħda mil-akbar qabdiet tad-droga fl-aħħar snin.

Quddiem il-Magistrat Joe Mifsud, tressqu b’arrest Michael Aquilina mill-Mosta u t-tfajla Taljana, Greta Grassi ta’ 22 li toqgħod is-Swieqi akkużati bl-importazzjoni u t-traffikar tad-droga, wara li nhar l-Erbgħa filgħaxija f’operazzjoni tal-pulizija ġew interċettati b’70 kilò droga reżina tal-kannabis li kienu għadhom kif waslu bihom bi speedboat veloċi minn Sqallija.

Aquilina u Grassi qalu li m’għandhomx impjieg wieġbu li m’humiex ħatja tal-akkużi. L-Ispettur Frank Tabone qal li mhux eskluż li jitressqu l-Qorti żewġ persuni oħra u lanqas eskluda li jkun hemm aktar arresti. Għalkemm wieġbu mhux ħatja, il-Magistrat Mifsud ordna l-iffrizzar tal-assi tagħhom kif ukoll li jibqgħu miżmuma arrestati.

L-ispettur Tabone qal li l-pulizija temmen li b’dal-kaz kissret parti minn “ċirku kbir ta’ traffikar tad-droga bil-baħar bejn Sqallija u Malta” permezz ta’ speedboats b’veloċità qawwija.

Minn stħarriġ li għamel tvm.com.mt jirriżulta li l-Pulizija kienu ilhom diversi jiem josservaw il-movimenti ta’ Aquilina ta’ 44 sena wara li ngħataw informazzjoni mill-Guardia di Finanza li Aquilina kien qed jidħol bi speedboat qrib il-Port ta’ Ragusa fi Sqallija. Il-Pulizija Taljana infurmaw lill-awtoritajiet Maltin li nhar l-Erbgha, Michael Aquilina flimkien ma’ tliet persuni oħra kienu se jivvjaġġaw lejn Malta, b’konsinja kbira ta’ droga.

Il-Pulizija Maltija segwiet din l-informazzjoni u stenniet l-ispeedboat fl-inħawi tal-Għadira. Kienu ftit wara d-disgħa ta’ filgħaxija meta l-Pulizija qabdu fil-fatt lil Aquilina u lil Grassi f’karozza Porsche Cayenne lesti biex jaħarbu bil-bagoll b’70 kilò raża tal-kannabis fil-bagoll tal-karozza. Fuq l-ispeedboat, kien hemm żewġ Maltin oħra li għadhom qed jinżammu arrestati.

Fl-2009, Michael Aquilina kien arrestat mill-Guardia Di Finanza, flimkien ma’ żewġ Maltin oħra wara li kien għadhom kemm waslu Sqallija 19-il immigrant. Huma ġew arestati wara li l-Pulizija Taljana sparat għad ta’ tiri fid-direzzjoni tagħhom waqt li kienu qed jipprovaw jaharbu bl-ispeedboat taghhom.

 

Ara wkoll: 3 persuni arrestati wara qabda ta’ 70 kilà droga fl-Għadira