Qorti
Jinżammu arrestati wara li nqabdu b’130kg kannabis fiż-Żejtun

Jitressqu l-Qorti ż-żewġ Bormliżi li kienu arrestati mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, wara li sabet li f’garaxx fiż-Żejtun kellhom 130 kilo droga kannabis lesta biex tiġi ttraffikata. Huma baqgħu miżmuma taħt arrest preventiv fil-ħabs.

Jerome Azzopardi ta’ 21 sena, li jaħdem għal rasu, u Jonathan Cassar ta’ 34 sena impjegat, ġew akkużati li kellhom fil-pussess tagħhom id-droga kannabis, u li assoċjaw ruħhom ma’ persuni biex jitraffikaw din l-istess droga. Jonathan Cassar waħdu ġie akkużat ukoll li sar riċediv.

L-Ispettur Jonathan Cassar qal li l-akkużati nqabdu deħlin isuqu vann kull wieħed f’garaxx li fih kien hemm id-droga. Huwa oġġezzjona għat-talba mid-difiża għall-ħelsien mill-arrest, u qal li l-pulizija għandha informazzjoni li dan huwa każ ta’ kriminalità organizzata, u hemm minn tal-anqas tliet xhieda pajżana li għad iridu jixhdu.

L-akkużati wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ordnat l-iffriżar tal-assi tal-akkużati u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura gravi tar-reati u l-possibilità reali ta’ ntralċ tal-provi.

L-avukat Roberto Montalto deher għal Jerome Azzopardi, filwaqt li l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia dehru għal Cassar.

Ara wkoll:

Jinstabu 130 kilo droga waqt rejd fiż-Żejtun