Lokali
Jinżammu arrestati wara li nqabdu bil-kannabis fil-Marsa

Somalu u Eritrean inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati bi traffikar u b’pussess ta’ droga kannabis.

Is-Somalu, Nasir Fuqle Warsame li jgħix fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa filwaqt li l-Eritrejan, Yemane Teklom Zerislase li suppost kien jgħix fl-istess ċentru l-Marsa, tħalla jgħix f’garaxx qrib il-knisja fir-Rabat.

Iż-żewġ akkużati ġew arrestati flimkien ma’ tnejn oħra, fosthom Malti, waqt raid mill-pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-droga, f’ħanut tax-xorb fil-Marsa.

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni qalet li s-Somalu pprova jaħbi basket li fih kien hemm 17-il gramma kannabis.

Minn tfittxija fuq il-persuna tas-suspettat, instabu ħames biċċiet ta’ kannabis oħra.

Fuq l-Eritrean instabu 13-il biċċa suspettata ta’ kannabis. Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Iż-żewġt irġiel l-oħra, qed jgħinu lill-pulizija fl-istħarriġ tagħha.

 

Ara wkoll: Erbgħa arrestati fil-Marsa fuq traffikar tal-kannabis