Kronaka
Jinżammu arrestati żewġt irġiel akkużati b’serq u ġlieda bis-skieken

Żewġ Sirjani nżammu arrestati wara li lbieraħ ġew akkużati li daħlu jisirqu minn dar u li ħebbew għal żewġ Sirjani oħra b’sikkina waqt argument.

Il-każ seħħ fid-29 t’Awwissu, meta l-Pulizija daħlilha rapport li kien għaddej argument fi Triq Isouard, il-Marsa. Meta l-Pulizija tal-RIU marru fuq il-post sabu li diversi Sirjani kienu sgassaw bieb ta’ dar u daħlu għal Sirjani oħra, fejn seħħ argument bis-skieken.

Żewġ Sirjani, wieħed ta’ 23 sena u ieħor ta’ 31 sena sofrew xi ġrieħi u ttieħdu l-isptar Mater Dei.

Sakemm kienet għaddejja din l-investigazzjoni, il-Pulizija waslilha rapport li kien ġie sgassat bieb ta’ dar oħra fi Triq Sant Antnin il-Ħamrun, u li kienu nsterqu minnha flus kontanti.

B’rabta maż-żewġ każijiet ibieraħ il-Pulizija ressqet żewġ Sirjani; Nedal Kanaan ta’ 20 sena u Kasem Abdulla ta’ 22 sena. Huma wieġbu mhux ħatja, bil-Qorti tordna li jinżammu arrestati.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Spiridione Zammit.