Ambjent
Jipproponilha bil-flares u jaħraq parti protetta minn Għajn Tuffieħa

Raġel li lbieraħ ippropona ż-żwieġ lill-maħbuba tiegħu spiċċa ħaraq parti protetta minn żona ta’ siġar f’Għajn Tuffieħa.

Filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali juri għadd ta’ persuni jiġru fil-masġar ta’ fuq il-bajja tar-Riviera bil-flares f’idejhom. Fl-isfond strixxun bil-mistoqsija ‘Will you marry me?’

Filwaqt li bosta faħħru l-oriġinalità ta’ dan il-proponiment, oħrajn ġibdu l-attenzjoni għall-ħsara li saret f’dan is-sit naturali, li seta’ kien ferm agħar.

Flimkien ma’ ritratt tal-art maħruqa li ppubblikat fuq Facebook, l-attivista ambjentali Cami Appelgren qalet li din hija waħda minn tliet postijiet li spiċċaw maħruqa.

Appelgren saħqet li l-flares qegħdin għal fuq il-baħar u mhux fuq l-art, fejn bi ftit riħ setgħu kkaġunaw il-ħruq tas-siġar tat-tamarisk ta’ dan il-post. Hija ħeġġet lil kull min jara illegalitajiet bħal dawn biex jirrapporta lill-awtoritajiet.