Jipproponu inizjattiva ta’ żvilupp kollettiv sabiex jiġu evitati binjiet dojoq u żgħar

Għal dawn l-aħħar snin bosta kienu dawk li ħadu l-opportunita’ u żviluppaw bini fuq propjeta’ eżistenti tagħhom jew ħattew li kellhom sabiex tellgħu appartamenti ġodda.

Din ir-realta’ ġabet magħha żvilupp ta’ bini li spiċċa fiċ-ċentru ta’ kritika minħabba l-estetika tiegħu, partikolarment għaliex l-ogħli tal-bini jkun jistona mal-kumplament fl-istess triq, anke jekk dan ikun skont l-iskema għall-iżvilupp, jew għaliex l-istess żvilupp jispiċċa joffri appartamenti dojoq li f’għajn bosta jistonaw.

Riċentament fil-programm ‘Popolin’ Sandro Chetcuti, President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qal li min jippjana u jirregola l-kostruzzjoni f’pajjiżna qatt ma’ kkunsidra l-lokal b’mod olistiku sabiex permezz ta’ viżjoni ċara tittieħed deċiżjoni fuq x’għandu jingħata permess jinbena wara li jittieħed f’kuntest l-ambjent tal-lokal innifsu.

Hu sostna li fil-preżent ħafna nies jakkużaw liż-żviluppaturi u l-kuntratturi b’rebgħa għaliex jaraw binja ta’ seba’ sulari mibnija fost numru ta’ djar ta’ żewġ sulari, biss jekk il-liġi tippermetti tali bini, l-iżviluppatur se jixtri l-art bi prezz abbinat mal-potenzjal tal-istess art.

F’dan il-kuntest, Sandro Chetcuti qiegħed jipproponi impenn bis-sehem tal-partijiet interessati kollha sabiex jintlaħaq ftehim olistiku mibni fuq viżjoni ċara u kollettiva li tikkunsidra l-interessi ta’ kulħadd biex isir riġenerazzjoni tal-bini iktar effettiv. Chetcuti tenna li l-idea hi li minflok jiġu mibnija plots fuq bażi individwali, jinħolqu inċentivi biex isir proġett kollettiv fuq żona sħiħa. Permezz ta’ dan il-metodu, ma jibqgħux jiġu żviluppati plots singulari, iżda jsir żvilupp fuq medda ta’ plots bl-għan li l-estetika taż-żona tkun isbaħ u aktar organizzata.