Lokali
Jirfdu Triq Għeriexem fir-Rabat, jitqiegħdu 370 pilastru tal-konkos taħt l-art

Fir-Rabat, qed tieħu l-forma triq li qed tinbena mill-ġdid u mill-qiegħ fuq pedamenti aktar b’saħħithom. Apparti spazju għall-vetturi, Triq Għeriexem se tipprovdi wkoll belvedere fejn il-pubbliku jista’ jieqaf igawdi l-veduta ta’ wied waqt li jimxi f’rotta li mill-Imtarfa tagħti għall-Imdina.

Wara li studji kkonfermaw li t-triq kienet mibnija fuq saffi ta’ blat imxaqqaq u tafal, b’periklu li l-istess triq u diversi binjiet jiġġarrfu, parti mill-proġett jinvolvi t-tqegħid ta’ 370 pilastru tal-konkos diversi metri taħt l-art.

Disa’ xhur xogħol issarrfu fil-bini tal-istruttura l-ġdida ta’ Triq Għeriexem – kemm il-parti għall-vetturi li ‘l quddiem jibdew jużaw din it-triq fuq barra tar-Rabat kif ukoll il-belvedere l-ġdid fejn il-pubbliku se jkollu faċilità għal mixja li tgawdi veduti tal-wied li hemm taħt u l-Imtarfa. Bħalissa qed jitpoġġa l-pavimentar tal-passaġġ għall-mixi f’dan il-belvedere.

Man-naħa l-oħra tat-triq, fejn hemm ir-residenzi, il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew iniżżlu 270 pilastru tal-konkos taħt l-art biex jevitaw aktar ħsarat fit-triq u fil-bini effett tal-art taflija li hemm taħthom. Meta jitlesta dan ix-xogħol, jibdew jitqiegħdu s-servizzi taħt l-art għar-residenti li jgħixu fl-inħawi u tinbena mill-ġdid il-karreġġjata b’żewġ korsiji f’din it-triq. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi, spjega li f’dan il-proġett li se jiswa €4 miljun kien hemm sens ta’ urġenza biex isir.

“Ma stajniex nistennew aktar. Hu proġett fejn it-triq kienet bdiet nieżla, hu proġett fejn litteralment is-servizzi bħad-drenaġġ, peress li t-triq krollat, qas biss kien qed jgħaddi mill-katusi imma jispiċċa fil-wied. Mela hawnhekk filwaqt li l-għan prinċipali tagħna hu li nikkonsolidaw u nsaħħu dik l-area, se jkollna opportunita’ issa li wieħed jista’ jgawdi, għandek mixja sabiħa tgħaqqad l-Imtarfa, ir-Rabat u l-Imdina imma anke wkoll se jsiru culverts biex jgħaddu servizzi minn hemmhekk.”

Dak li qed isir bħalissa man-naħa tad-djar, sar fix-xhur li għaddew n-naħa li tħares fuq il-wied fejn għall-bini tat-triq u l-belvedere, tpoġġew aktar minn 100 pilastru ieħor tal-konkos u l-azzar imniffdin 5 sulari taħt l-art. Il-pilastri ngħaqdu flimkien bi travu twil tal-konkos.

Xogħol simili, iżda f’anqas fond, qed isir f’waħda mit-toroq ewlenin li jagħtu għall-Imtarfa. It-triq li tibda minn tarf il-bypass u tħares fuq Ta’ Qali qed tinbena mill-ġdid. Is-sisien tagħha qed jissaħħu b’160 pilastru li qed jitniżżlu sa 3 sulari taħt l-art.

Mistoqsi x’qed tagħmel l-aġenzija biex tiżgura li x-xogħol fil-proġetti tagħha jilħaq livelli għolja ta’ kwalita’, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta qal li ġew aġġornati l-ispeċifikazzjonijiet li l-kuntratturi jintrabtu magħhom fis-sejħiet għall-offerti, iżda mhux biss.

“Tajna provi li fejn kien hemm xogħol ħazin, per eżempju l-Marsa stess, qrib il-Marsa-Hamrun Bypass mhux talli kien hemm xogħol ħażin u ġegħlnih jaqla’ għal darba, darbtejn qlajna. Anke bħalissa xogħol li ma jilħaqx standards meħtieġa jkun jeħtieġ li jinqala’. Nista’ nsemmi każ il-Mosta li ma laħaqx l-istandards neċessarji u se jkun qed jinqala’ fil-ġranet li ġejjin.”

Dan ix-xogħol ħażin instab f’parti minn Triq Durumblat, li qed issir f’fażijiet differenti minħabba t-tul tagħha.