COVID-19
AĠĠORNAT: Ifiqu 70 persuna mill-Covid-19 f’Malta – jinstab 31 każ ġdid

Għat-tieni darba fl-aħħar ġimgħa, f’temp ta’ 24 siegħa, ġew dikjarati aktar persuni li fiequ mill-virus milli nfezzjonijiet ġodda. L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li fl-aħħar 24 siegħa nstabu 31 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, wara li saru 2,545 swab tests. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu wkoll li 70 persuna oħra ġew iddikjarati mfejqa, u b’hekk l-ammont ta’ persuni f’Malta li fiequ mill-Covid-19 tela’ għal 2,261. Minn total ta’ 2,929 każijiet ikkonfermati f’Malta mill-bidu tal-pandemija, bħalissa hemm 639 li għadhom attivi. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-aħħar każijiet għadhom qed jiġu investigati.

Sadanittant, fl-aġġornament ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li hemm sitt persuni fit-taqsima tal-mard infettiv fl-isptar Mater Dei, tmien persuni f’wards oħra attrezzati għall-Covid-19 f’Mater Dei filwaqt li 4 persuni qiegħdin fit-taqsima tal-kura intensiva bil-Professur Gauci tgħid li 2 minnhom mhumiex f’qagħda stabbli. Fl-isptar Boffa qed jinżammu 12-il persuna oħra, fl-isptar St Thomas qed jinżammu 4 persuni u 3 persuni oħra qed jinżammu f’Monte Carmeli.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, qalet li se jkun qed jiżdied l-infurzar tal-ilbies obbligatorju tal-maskri f’postijiet pubbliċi fuq ġewwa, fuq it-trasport pubbliku, il-vapur t’Għawdex u fl-ajruport. Qalet li l-uffiċjali tal-LESA se jkunu qed iżidu l-isforzi tagħhom biex flimkien ma’ entitajiet oħrajn jaraw li kulħadd qed isegwi l-miżuri.

“L-appell li jekk ħriġt barra mid-dar, għandek ċans tiltaqa ma xi ħadd, tajjeb tintlibes il-maskra il-ħin kollu,” qalet il-Professur Charmaine Gauci.

Żiedet tgħid li bir-rata ta’ mwiet telgħet għal 2.2 għal kull 100,000 persuna, Malta għandha t-tielet l-ogħla rata ta’ imwiet fl-Ewropa. Spjegat kif kwart tal-imwiet f’Malta seħħew fi djar tal-anzjani, bi tliet imwiet minn Dar San Ġużepp fil-Fgura, tnejn minn Casa Antonia f’Ħal Balzan u tnejn mis-Simblija fin-Naxxar. Dwar is-sitwazzjoni li żviluppat fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp fil-Fgura, il-Professur Gauci qalet li ttieħdu diversi miżuri biex titrażżan l-imxija fost ir-residenti.

“Li għamilna li ma jkunx hemm nies li jidħlu u joħorġu mill-home biex ikollok containment tas-sitwazzjoni kollha. U jekk ikun hemm li joħorġu mill-home naraw li jkun hemm assessment biex naraw x’kundizzjonijiet jidħlu bihom,” spjegat il-Professur Gauci.

Hija appellat lin-nies biex jieħdu ħsieb l-anzjani u joqogħdu attenti x’jagħmlu fil-ħin liberu tagħhom. Il-Professur Gauci qalet li sors ewlieni ta’ infezzjonijiet qed ikunu okkażjonijiet fejn il-familji qed jinġabru flimkien, b’76 każ minn dawk li rriżultaw din il-ġimgħa kienu ġejjin minn dawn l-attiviatjiet.

Fuq il-postijiet tax-xogħol kien hemm 21 cluster. Appellat lil min iħaddem jieħdu il-prekawzjonijiet skond il-linji gwida li jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tas-Saħħa. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li 30 fil-mija tal-każi huma sporadiċi.

Il-Professur Gauci qalet li kemm l-iskola u anke fl-attivitajiet extra kurrikulari – bħal-lezzjonijiet tal-katekizmu, privat u taħriġ ta’ sport, kemm jista’ jkun it-tfal għandhom jinżammu fl-istess grupp, u appellat biex il-gruppi jinżammu żgħar kemm jista’ jkun.

Tista’ ssegwi l-konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar żviluppi dwar il-Covid-19 f’Malta hawn:

Gepostet von Television Malta am Freitag, 25. September 2020

Ara wkoll:

Tmut anzjana li kellha l-Covid-19 u li kienet rikoverata f’Monte Carmeli

Sal-lum 4 persuni f’Malta kellhom il-Covid-19 u rkadew

Mas-60,000 niżżlu l-contact tracing app u 6 persuni diġà użawha