Jirnexxielu jidħol f’għar remot fiċ-ċentru ta’ Malta

Conrad Neil Gatt, vlogger Malti qiegħed jiskopri, jżur u jiddokumenta postijiet remoti sabiex jaqsam l-avventuri tiegħu ma’ min qatt ma kellu ċ-ċans jesperjenza dawn il-postijiet, sabiex b’hekk ikun jista’ jara u jifhem dan il-wirt naturali li għandu pajjiżna.

Waħda mill-isbaħ esperjenzi li għamel Conrad kienet meta irnexxilu jidħol f’għar partikolari f’Ħad Dingli li nsibuh bħala Għar Mirdum jew aħjar ‘The Sunken Cave’. L-entratura għal dan l-għar li hu għoli madwar żewġ sulari, hija waħda diffiċli u perikoluża. Fil-fatt kellu jintuża apparat partikolari biex iħares is-sigurtà tiegħu. Fost l-avventuri li għamel iltaqa’ wkoll ma’ għar ieħor li ġie mogħti l-isem fittizju ‘Għar Ralek’ sabiex tiġi protetta l-akwata tal-istess għar. Gatt saħaq li ltaqa’ ma’ ħafna vandaliżmu f’kemm ilu jagħmel dawn il-vlogs għalhekk ħass li għandu jipproteġi dan il-wirt storiku u naturali ta’ pajjiżna.

Qalilna li jibqa’ jiftakar esperjenza mill-isbaħ li ġrat f’Wied Qirda meta l-bidu tal-wied qabad jimtela bil-mod sakemm spiċċaw sa fuq żaqqhom mimli bl-ilma. Gatt qalilna li minn dejjem kellu passjoni għall-fotografija għalhekk żewwaq dan id-delizzju mal-avventura u beda joħloq dawn il-filmati uniċi. Huwa spjega li fil-bidu kien imur jimxi għal rasu u jieħu xi ritratti tal-akwati li jżur. Biss meta beda jara li qiegħed jirċievi rispons tajjeb mill-followers tiegħu fuq il-midja soċjali speċjalment dawk anzjani ħass li għandu jibda joħloq dawn il-filmati qosra u jaqsamhom mas-segwaċi tiegħu fuq il-Youtube channel. Illum il-ġurnata jiġbed interess konsiderevoli anke fuq livell internazzjonali. “Nagħmel ħafna riċerka fuq il-postijiet li nżur, l’hena tiegħi meta ma nsibx ħafna informazzjoni għaliex ikun ifisser li l-post ma tantx ikun ġie esplorat u dokumentat qabel”.

“Minn hawn il-quddiem nixtieq niskopri Malta u naqsamha mal-barranin, u l-quddiem niskopri iktar mid-dinja biex nuriha lil Maltin”.