Stejjer Umani
Jirrakkonta kif kien jibda jixrob mal-5.00 ta’ filgħodu qabel ix-xogħol

F’aktar minn ħamsin sena, l-Għaqda Alkoħoliċi Anonimi għenet mijiet ta’ persuni bi problema ta’ xorb żejjed, u ħafna drabi anke lill-qraba tagħhom permezz tal-AL-ANON. TVM tkellem ma’ raġel li 27 sena ilu ħabbat il-bieb ta’ din l-għaqda, u minn dakinhar ma messx aktar xorb ma’ ħalqu.

Ilu 27 sena ma jmiss xorb alkħoliku, iżda xorta waħda jqis lilu nnifsu alkoħoliku. Jgħid li kuljum mar-radd tas-salib ifakkar lilu nnifsu biex ma jixrobx.

“Naf ċert li jekk xi darba jien jiġini l-ħsieb li ngħid ‘jien illum fiqt, dak I am in a danger zone, jiġifieri dak I am going back where I was 27 years ago’,” jgħid dan ir-raġel.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar skont ix-xewqa tiegħu, beda jixrob meta kien għadu ġuvnott. “Ta’ xi erbatax-il sena kont diġa qed nixrob il-birra u n-nanna dak iż-żmien kienet kultant ittini xi daqsxejn whisky u xi daqsxejn vermut. Kont miexi tajjeb, jiġifieri niddevertu bħalma tkun żagħżugħ.”

Jirrakkonta li meta beda jaħdem, żdiedu l-okkażjonijiet soċjali fejn seta’ jixrob “biex ikompli”. Maż-żmien, ix-xorb ma baqax okkażjoni ‘l hawn u ‘l hemm, iżda sar parti mir-rutina ta’ ħajtu. “Li kont nixrob kienet xi ħaġa normali għalija. Li mmur id-dar xurban u fis-sakra wara x-xogħol ma kienet xejn problema. Il-mara ma kinetx qed tieħu pjaċir tarani f’dik is-sura, u biex ma noqgħodx iktar inkarkar, iktar ma għadda ż-żmien iktar ġejt fi problema.”

Għalkemm kien konxju li l-alkoħol kien sar problema, qatt ma ried jammetti u kompla jixrob; minn filgħodu sa filgħaxija sakemm jisker.

“Kont inqum u ngħid illum żgur ma nixrobx, illum żgur ma nixrobx u ninħasel, inkun ħiereġ mill-bieb, nara dan l-imbierek flixkun li kien ħabib tiegħi, suppost naqbdu, u dak li jkun baqa’ fil-flixkun nixorbu mill-flixkun. Dan inkun għadni sejjer ix-xogħol, ġieli jkunu l-ħamsa ta’ filgħodu.”

Jisħaq li ma riedx jammetti li għandu problema. “Ma tarax ngħid li jien alcoholic!”

Dan kellu konsegwenzi serji fuq ir-relazzjoni mal-għeżież tiegħu. Jirrakkonta li martu ma felħitx iktar u fittxet l-għajnuna mill-Al-Anon, li hija l-għaqda li tgħin lil qraba ta’ persuni li bħalu jkollhom problema bl-alkoħol.

Irrealizza li kien qabad it-triq tan-niżla wara li l-mara qabdet lil binthom u telqet għand ommha. Jgħid li l-ewwel pass biex ifittex l-għajnuna għamlu grazzi għal ommu. “Għedtilha ‘telqet ħej!’ Qaltli ‘missha ilha li telqet!’ u dik kienet id-daqqa ta’ xabla għalija.”

Hawnhekk ħabbat il-bieb tal-Għaqda tal-Alkoħoliċi Anonimi. “Bdejt nitgħallem kif ngħix mingħajru l-alkoħol.”

Is-Social Worker Anthony Girard, li jaħdem ma’ persuni b’dipendenza fuq l-alkoħol, qal li dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jgħixu mingħajru. Qal li l-alkoħoliżmu mhuwiex vizzju imma marda, li taffwettwa lil dawk kollha qrib l-alkoħoliku. “Mhux li huma jixorbu bħalu jew bħalha imma li huma ma jistgħux jgħixu ma’ dik il-persuna li jħobbu.”

L-Għaqda tal-Alkoħoliċi Anonimi bdiet tiltaqa’ f’Malta fl-1966. L-Alkoħoliċi Anonimi ma jgħinux biss lill-persuna li għandha problema bix-xorb, imma anke l-qraba tagħha li jridu jitgħallmu kif jaġixxu f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Wieħed jista’ jikkuntattja lill-Għaqda Alkoħoliċi Anonimi fuq in-numri tat-telefon 21220333/79239264 jew l-AL-ANON fuq 21370888.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Disk Jockey Ingliż kien Malta għal vaganza mas-sieħba tiegħu, li għal ftit ma ntemmitx fi traġedja. Huwa waqa’ m’għola erba’ sulari mill-gallarija tal-kamra tiegħu fil-lukanda Seabank, fil-Mellieħa. L-inċident seħħ fil-15…

Attività

Fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għas-servizz pubbliku, matul il-ġurnata tal-Ħadd id-dipartiment tad-Dwana fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku f’Xatt Lascaris il-Belt. B’hekk il-pubbliku seta’ jara mill-qrib il-ħidma tal-uffiċjali tad-Dwana, li huwa dipartiment fi ħdan il-Ministeru…

Immigrazzjoni

Il-Forti Sant’ Anġlu, li għal medda ta’ snin kien l-għassies tal-kosta ta’ Malta, se jservi ta’ sfond għal-laqgħa tal-Ministri tal-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza u tal-Ġermanja, biex flimkien mal-Finlandja, li…

Politika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kemm bl-iżviluppi li qed isiru fl-infrastuttura, u anki bid-deċiżjonijiet għaqlin li ħa dwar il-prezzijiet taż-żejt, il-Gvern qed jipprepara lill-pajjiż għall-futur. Il-Prim Ministru ddikjara l-fiduċja…

Aktar