Lokali
Jirrakkonta kif martu refgħetu minn xagħru biex jirbaħ il-vizzju tad-droga

Tony ilu għal dawn l-aħħar erba’ snin ma jmiss mad-droga u x-xorb, li f’ħajtu kienu tefgħuh f’baħar ta’ nkwiet.

Hu m’għandux kliem biżżejjed biex jirringrazzja lil martu, li mhux talli ressqitu lejn il-Fondazzjoni Oasi biex jirċievi l-għajnuna, iżda d-determinazzjoni tagħha wasslitu biex fi kliemu f’ħajtu seħħ miraklu – dik li ma jmissx aktar mad-droga u x-xorb.

Erba’ snin ilu, ħajjet Tony kienet f’salib it-toroq. Tony jirrakkonta kif minn filgħodu sa filgħaxija kien jaħseb biss fil-kokaina u x-xorb. “Kont inqum filgħodu b’rogħda … li anke fiżikament kont inkun irrid dak l-ewwel drink biex inneħħi dik ir-rogħda … eventwalment imbagħad dejjem indur għall-kokaina … prattikament saret rutina ta’ kuljum.”

Spjega li kellu xogħol tajjeb u l-flus li kien jaqla’ kien jaħraqhom kollha fix-xorb, il-kokaina u anki fil-logħob. Stqarr li l-vizzji daħħluh f’ċirku vizzjuż.

Bdejt nabbuża minn flus ta’ fejn kont naħdem, indur għal visas, kontijiet tat-tfal u tal-mara, nieħu loans, u anki dawk fuq l-idejn biex inħallas il-loan ta’ fuq l-idejn nirrikorri għal ħaddieħor.

Tony stqarr li l-vizzji rikbuh sa ma spiċċa mingħajr xogħol. Qal li kieku ma kinitx martu li refgħetu minn xagħru u wrietu t-triq għall-għajnuna tal-Fondazzjoni Oasi ma jafx x’kien isir minnu.

“Qatt m’għamilt pressjoni fuq il-mara u t-tfal biex nerġgħu flimkien, però kienet hi li ddeċieditha għax rat progress mirakoluż u enormi. Jien inqisu bħala miraklu,” qal Tony.

Id-Direttur tal-Fondazzjoni Oasi, Dun Manwel Cordina, qal li l-mument li l-vittmi tad-droga jaċċettaw li għandhom problema, hu pass kruċjali biex jissaffew mill-vizzji tad-droga u l-alkoħol fost oħrajn.

“Jiġu megħjunin permezz ta’ gruppi bejn sħabhom stess u tat-terapisti biex huma jgħarblu lilhom infushom u jagħmlu l-inventarju ta’ ħajjithom kollha, minn meta kienu għadhom żgħar, anzi jirrakkontaw x’jafu fuq il-ġenituri tagħhom qabel ma żżewġu. Minn hemmhekk, joħorġu ħafna mir-raġunijiet għaliex il-bniedem wasal biex huwa jkun anti-soċjali u distruttiv għalih innifsu,” qal Dun Cordina.

Għal 26 sena sħaħ, il-Fondazzjoni Oasi f’Għawdex kienet ta’ spalla għal għexieren ta’ tfajliet u ġuvintur li rrikorrew għall-għajnuna għax kienu mirkuba mill-vizzji tad-droga u x-xorb.