Lokali
Jirrakkonta meta ltaqa’ mal-Prinċep Philip u staqsih ma’ liema tim tal-futbol iżomm

L-isport kien f’qalb id-Duka ta’ Edinburgh. F’Malta kien jilgħab il-polo u fi żjarat li għamel f’pajjiżna żamm l-appuntament li jmur il-klabb tal-Polo fil-Marsa. Konxju li l-Maltin iħobbu l-futbol, meta fl-1957 ltaqa’ ma’ scout Malti f’Sutton Park staqsieh fuq il-futbol.

Il-Prinċep Philip kien magħruf għall-passjoni li kellu għall-isport, b’mod partikolari l-polo. F’Malta, hu kellu rabta qawwija mal-Klabb tal-Polo fil-Marsa fejn kien jilgħab mat-tim ta’ zijuh, Lord Mountbatten, li kien anke President tal-klabb. Mark Darmanin qal li l-Prinċep Philip huwa parti mill-istorja tal-klabb, li qal huwa l-eqdem fl-Ewropa.

“Il-Prinċep kien dilettant ħafna taż-żwiemel, kien very competitive person u l-logħba tal-polo hija kompettitiva ħafna. Meta ovvjament kien qiegħed lejn in-naħat ta’ Malta u ġie hawnhekk, il-klabb kien diġà ffurmat għax aħna bdejna mill-1868, ovvjament kien hawn Lord Mountbatten li huwa z-ziju Dickie kif kien jgħidlu hu u ddeċieda li daħlu fit-team miegħu.”

Is-Sur Darmanin irrakkonta li waqt żjara statali f’Malta fl-1992, id-Duka kellu jsegwi parti żgħira minn logħba li kienet għaddejja fil-Marsa. Minn żjara li kienet pjanata li ttul xi ħmistax-il minuta, baqa’ hemmhekk sal-preżentazzjoni u anke tkellem mat-team Malti.

“We played for Prince Louis Cup which was donated by his uncle. Kien ħa pjaċir ħafna biha u kien ħa gost bil-logħba. Kienet logħba aggressiva għax il-Maltin ħriġna biex nerbħu ħa ngħidlek il-verità, u rbaħna jiġifieri ta’.”

Għas-Sur Darmanin, din il-logħba għadha mnaqqxa fil-memorja wkoll minħabba li fiha lagħab missieru, Salvu.

“Għax meta kien hemm missieri qed jippreżenta t-tazza dar fuqu u qallu ‘I recognise your style. Who taught you? And my father told him: your uncle taught me how to play polo.’ My father was taught the game of polo by Lord Mountbatten.”

Malti ieħor li ltaqa’ mad-Duka ta’ Edinburgh hu Randolph Camilleri. F’Awwissu 1957, meta kellu tlettax-il sena, kien ingħata ċans jgħid kelmtejn mar-Reġina Eliżabetta II u l-Prinċep Philip waqt il-Jubilee Jamboree tal-Iscouts f’Sutton Park.

“Id-Duka kulma saqieni qalli, speċi kien jaf li Malta soccer-crazy u qalli speċi ma min iżomm. Jien s’intendi għedtlu mill-Floriana u mbagħad ir-Reġina l-istess qaltli, where do you come from?”

Randolph kien l-iżgħar membru fil-kontinġent ta’ madwar mitt Malti għall-Jamboree. Hu kien Scout fil-grupp tal-Floriana.