Avjazzjoni
Jirrakkonta meta ra ajruplan jikkraxxja fil-limiti ta’ Ħal Safi

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li b’xi mod imissu lil Malta li jinsabu rakkuntati fil-ktieb Broken Wings b’riċerka storika tal-kurunell Mark Said.

Għal diversi snin, f”Malta kien hawn stazzjonati ajruplani tat-tip Canberra. Ix-xogħol prinċipali tagħhom kien li l-ekwipaġġ jieħu ritratti ta’ postijiet strateġiċi fil-Mediterran.

Il-Kurunell Mark Said qal li wieħed mill-inċidenti fl-istorja tal-avvjazzjoni f’Malta seħħ b’wieħed minn dawn l-ajruplani sewwasew bħal għada 50 sena ilu.

Il-Kurunell Mark Said qal “kien qed jirritorna minn Ċipru u waqt li kien qed jillandja fl-aerodrome ta’ Ħal Far ikkraxxja fil-limiti ta’ Ħal Safi. Dakinhar kienu mietu ż-żewġ membri tal-ekwipaġġ Flight Lt Anthony Rogers Thomas u l-Flying Officer, Robert George Newton, li kien in-navigator fuq wara.”

Tarcisio Barbara dak iż-żmien kellu 13-il sena u għadu sal-lum ma jistax jinsa x-xena li ra.

Tarcisio qal “fid-daqqa u fil-ħin beda jitbaxxa fuq hawnhekk u beda jdur dawra tond u fl-istess ħin smajt faqqaturi żgħar. Wara skoprejt li kienet il-ħġieġa ta’ fuq tal-Canberra u ħarġu ż-żewġ bdoti li l-ajruplan ma ramiehomx ‘il fuq imma pjuttost ‘l isfel. Wieħed mill-bdoti ġie hawnhekk fuq stalla ta’ żiemel u kisser is-saqaf u fl-istess ħin qatel iż-żiemel u hu miet miegħu. L-ieħor miet hawnhekk ma’ dil-kantuniera u l-ajruplan waqa’ faċċata u sploda. Kien hawn infern sħiħ ta’ nar”.

Iż-żewġ vittmi tal-inċident Rogers Thomas u Robert George Newton, jinsabu midfuna fiċ-Ċimiterju Militari tal-Imtarfa.

Fl-istess ċimeterju ndifnu wkoll Flight Lt Anthony Prowsse u Peter John Greenaway li tilfu ħajjithom tliet xhur biss qabel, fis-7 ta’ Jannar tal-1969 meta kkraxxja ajruplan Canberra viċin iċ-Ċimiterju tal-Addolorata. L-ekwipaġġ kien fuq titjiera ta’ taħriġ.

Il-Kurunell Said qal “ikkraxxja bl-istess mod, jiġifieri nqaleb rasu ‘l isfel, iż-żewġ bdoti ħarġu ‘l barra u mietu t-tnejn li huma. Sal-lum raġuni għad mhemmx eżattament, għalkemm uħud jgħidu li setgħet kienet problema fil-flight controls u wħud jgħidu li kienet problema ta’ flying tal-bdoti”.

Il-Kurunell Said, jirrakkonta dawn iż-żewġ disgrazzzji tal-ajru b’dettalji dwar l-investigazzjoni tagħhom fil-ktieb Broken Wings li fih mas-700 paġna b’rakkonti ta’ kważi 1,000 inċident tal-ajru li jagħmlu parti mill-istorja tal-avvjazzjoni f’Malta. Stqarr li dan huwa frott ta’ riċerka ta’ 30 sena u l-qligħ minnu se jmur għall-proġetti tal-Caritas.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Żewġ xufiera ta’ coaches dalgħodu rrikorrew għall-kura f’ċentru tas-saħħa wara ħabta fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.00am bejn coach tal-Aviaserv u coach tal-AirMalta, li ma kinux qed iġorru…

Xogħol

Il-Ministru Edward Zammit Lewis, filwaqt li nieda l-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena, qal li l-ekonomija tistrieħ fuq il-ħaddiem, u li dan il-premju jirrikonoxxi l-bżulija. Iċ-Chairperson tal-kumitat organizzattiv, Angela Agius, spjegat li…

Kultura

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar il-kunċert innovattiv bis-sehem tal-mużiċisti tal-banda, Ħuġġieġa tal-Banda 12th May b’għajnuna ta’ fondi mill-Kunsill Malti għall-Arti. Il-banda 12th May ta’ Ħaż Żebbuġ bħalissa qed tipprepara għall-proġett Ħuġġieġa,…

Sigurtà

Il-kumpanija ARMS iċċarat li l-ħaddiema tagħha li jintbgħatu jaqraw il-meters tad-dawl u l-ilma jridu jkunu lebsin l-uniformi kif tidher fir-ritratt. TVM infurmat li fl-aħħar ġimgħat xi residenti esprimew tħassib dwar…

Aktar