Lokali
Jirrapportaw li negozjatur fl-enerġija Ċiniż huwa wara l-kumpanija Macbridge

Investigazzjoni internazzjonali żvelat li l-kumpanija Macbridge hija allegatament ta’ Tang Zhaomin, il-kunjata taċ-Ċiniż Chen Cheng, li kien konsulent ta’ Shaghai Electric Power.

Rapporti qed jgħidu li Cheng kien il-persuna li nnegozja l-ftehim bejn Shangahi Electric Power u l-Enemalta, biex xtrat terz tal-ishma tal-Enemalta fl-2014 u iktar tard irrappreżenta lill-Shanghai Electric Power fin-negozjati għall-proġett tal-wind farm fil-Montenegro.

Times of Malta, Reuters u media barranija oħra qalu li ilhom sena jinvestigaw min kien is-sid ta’ din il-kumpanija li ssemmiet fil-Panama Papers fl-2015. Allegatament Macbridge kellha tittrasferixxi flus fil-kontijiet li fetħu Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Panama.

F’reazzjoni fuq il-media soċjali, id-deputat indipendenti u ex Ministru Konrad Mizzi qal li m’għandu ebda informazzjoni dwar Macbridge u ċaħad li qatt kellu xi forma ta’ pjan ma’ din il-kumpanija. Żied jgħid li lil Chen Cheng kien jafu fir-rwol uffiċjali bħala konsulent ta’ Shanghai Electric Power fuq numru ta’ inizjattivi.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qalet li għandhom jinħarġu akkużi ġodda lil Yorgen Fenech, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Sostnet li Chen Cheng għandu jiġi estradit lejn Malta biex jiffaċċja l-ġustizzja, u li għandha tittieħed azzjoni fil-konfront tal-kumpanija li tħaddem lil Cheng – Accenture. Talbet biex l-awtoritajiet jinvestigaw ir-rwol li kellu l-ex Prim Ministru Joseph Muscat fil-ftehim li saru ma’ Shanghai Electric Power u l-proġett tal-Montenegro.