Reliġjon
Jirreferi għall-festi tas-sajf u jistaqsi jekk l-insara jafux tassew lil Ġesù

F’ittra pastorali fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Marija, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li wisq jibża’ li Kristu m’huwiex fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, la fuq livell individwali u lanqas fuq livell ta’ parroċċi. Qal li huma ħafna li jħobbu l-Knisja u jaħdmu għal Kristu, iżda ftit huma dawk li jagħmlu dak li jrid Kristu.

L-Isqof irrikonoxxa li l-Knisja għandha sfidi pastorali kbar; iżda argumenta li b’daqshekk ma jfissirx li m’għandnhiex naffrontawhom bis-sehem fost l-oħrajn ta’ saċerdoti u lajċi li huma impenjati bis-serjetà biex iseħħ it-tiġdid li hemm bżonn.

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li għal xi wħud ir-Reliġjon hija forma ta’ tpartit ma’ Alla, tant li spiss wieħed jirrikorri għand Alla meta jkun qata’ qalbu minn kollox.

Fl-ittra pastorali fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Marija bit-titlu ‘Neħtieġu lil Kristu’, l-Isqof Grech irrefera għal bosta riti reliġjużi fosthom il-festi tas-sajf u staqsa jekk l-insara jafux tassew lil Ġesù u jekk għandhomx relazzjoni miegħu, għax argumenta li hemm ir-riskju li tkun mgħammed, tkun reliġjuż jew saħansitra tkun Isqof imma xorta ma tkunx taf lil Ġesù. Qal li wħud huma konvinti li r-relazzjoni m’Alla tiddependi mill-opri li jagħmlu bħal xi pellegrinaġġ sa Ta’ Pinu jew sar-Redentur tal-Isla jew mawra sal-Knisja għall-quddiesa tal-Ħadd. Qal li d-devozzjonijiet huma biss għodda biex iqarrbuna lejna Alla biex minn relazzjoni mekkanika, jgħinuna niżviluppawha f’waħda ta’ mħabba m’Alla mimlija fiduċja u paċi tal-qalb.

Monsinjur Grech tkellem dwar ix-xewqa li jara aktar qrar ta’ kwalità magħmul fil-kwiet u bil-kalma u mhux mgħaġġel waqt il-quddies. Jistqarr li jixtieq li aktar parroċċi, komunitajiet u gruppi jagħmlu xi rtir spiritwali, li nitgħallmu nfittxu aktar l-għajnuna ta’ direttur spiritwali fil-ħajja tagħna, kif ukoll li aktar persuni jitolbu fil-ħemda quddiem Ġesù Ewkaristija.

Fl-ittra pastorali esprima l-biża’ li Kristu mhuwiex iċ-ċentru tal-ħajja tagħna u fi kliemu huma ħafna li jħobbu l-Knisja u jaħdmu għal Kristu, imma ftit huma dawk li jagħmlu dak li jrid Kristu.

L-Isqof staqsa jekk l-Knisja hux qed toffri l-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Qal li hija ħasra li f’ħafna każi l-Knisja tagħlef biss l-emozzjonijiet u n-nostalġiji ta’ xi wħud, għall-Knisja tal-imgħoddi.

Fil-pastorali, l-Isqof Grech jgħid li l-Knisja ma tistax tibqa’ bla ma titħarrek u indifferenti għat-tibdiliet li jiġru madwarha. Jgħid li l-Knisja mhux biss għandha tadatta ruħha għall-ħsibijiet u d-drawwiet li ż-żmienijiet iġibu magħhom u kważi jimponulha, imma għandha tfittex li tersaq lejhom, tinkuraġġihom, issebbaħhom, tmexxihom ‘il quddiem u tqaddishom.

Qal li fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Marija tajjeb nitolbu lil Omm il-Knisja tgħinna nirristrutturaw lil din il-Knisja li qed taffaċċja sfidi kbar li madankollu jeħtieġ jiġu indirizzati biex tkompli tiġdid.