Lokali
Jirritorna ŻiguŻajg bi produzzjonijiet b’udjenza fiżika u online

Għall-11-il sena infila, Spazju Kreattiv se jorganizza l-festival Żigużajg, festival tal-arti għat-tfal bejn it-8 u t-12-il sena. Wara l-esperjenza tas-sena l-oħra, fejn ŻiguŻajg laħaq l-akbar udjenza li qatt kellu b’wirjiet onlajn, din is-sena se jżomm dan il-mezz iżda se jreġġa’ lura l-udjenza fit-teatru. Il-festival ikun fl-aqwa tiegħu bħal dan iż-żmien xahar.

Il-festival ŻiguŻajg, li jifforma parti mill-kalendarju artistiku u kulturali se jirritorna bejn id-19 u t-28 ta’ Novembru bi programm ta’ żfin, arti viżwali u produzzjonijiet teatrali. Biex jilħaq lil kulħadd, din is-sena Żigużajg ħaseb li jimplimenta programm hybrid, fejn se jtella’ kważi nofs il-produzzjonijiet bħala spettakli b’udjenza fiżika, u n-nofs l-ieħor fuq online.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Kreattività, Rupert Cefai, qal li ŻiguŻajg huwa investiment għall-futur anke għall-fatt li hu marbut mat-tfal bejn it-8 u t-12-il sena, li huma kemm l-udjenza u anke l-artisti ta’ għada.

“Nemmnu li biex trawwem l-aqwa artisti tal-futur, trid ittihom l-aqwa xogħol u tesponihom għall-aqwa xogħol ta’ din il-ġurnata. U naħseb il-festival ŻiguŻajg irnexxilu jagħmel dan tul dawn l-aħħar snin”

L-udjenza li se tmur fit-teatru u li għandha ‘l fuq minn 12-il sena, trid tippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Tfal taħt it-12-il sena, se jkunu eżenti milli jippreżentaw iċ-ċertifikat, iżda jridu jkunu akkumpanjati minn adult li huwa mlaqqam u biċ-ċertifikat.