Pulizija
Jirriżenja s-Supretendent Walter Spiteri

Il-Pulizija mit-taqsima ta’ kontra r-Reati Ekonomiċi arrestat 37 pulizija mit-taqsima tat-traffiku li allegatament kienu qed jirċievu ħlasijiet irregolari fosthom għal extra duty li kellhom jagħmlu fit-toroq fejn qed isiru progetti infrastrutturali.

Ħames pulizija ngħataw il-police bail waqt li nbeda pjan ta’ kontinġenza bl-għajnuna tal-LESA u Transport Malta.

Il-każ li qed jitqies bħala kumpless u fuq skala kbira, wassal għar-riżenja mmedjata tas-Supretedent Walter Spiteri li kien imexxi t-taqsima tat-traffiku.

Is-Superintendent Walter Spiteri li kien imexxi t-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija rriżenja mill-korp wara li ġie interrogat mill-uffiċjali tat-taqsima ta’ kontra r-reati ekonomiċi minħabba l-allegat involviment tiegħu u tal-uffiċjali taħt ir-responsabbiltà tiegħu f’dak li sorsi fissru bħala “xibka sħiħa ta’ allegat frodi ta’ eluf ta’ ewro riżultat ta’ libertinaġġ assolut”.

Is-sorsi spjegaw li meta t-Tlieta ġie ffaċċjat bil-provi tal-allegat abbużi fl-extra duty tal-Pulizija fit-taqsima li kien responsabbli minnha, is-Sur Spiteri rriżenja mill-ewwel u mhux eskluż li fis-sigħat li ġejjin jirriżenjaw uffiċjali oħrajn fil-korp li huma implikati fil-każ.

Il-Pulizija fi stqarrija qalet li sa issa ġew arrestati 37 persuna, b’Television Malta infurmat li fosthom hemm żewġ spetturi u għadd ta’ surġenti u kuntistabbli. Ħamsa minnhom ingħataw il-police bail.

Riżultat ta’ dan, it-taqsima tat-traffiku spiċċat bi kważi tliet kwarti tal-uffiċjali fi ħdanha investigati. F’ċirkulari li TVM għandu kopja tagħha, l-Aġent Kummissarju Carmelo Magri talab lill-membri kollha tal-korp li għandhom liċenzja tas-sewqan tal-mutur (jew jinsabu fil-proċess li jkollhom waħda) biex jekk huma interessati, japplikaw biex jissieħbu fit-taqsima tat-traffiku.

Fl-istess waqt il-Pulizija qalet li minħabba s-sitwazzjoni fit-taqsima tat-traffiku, iddaħħal fis-seħħ pjan ta’ kontinġenza bl-għajnuna tal-LESA u Transport Malta, bil-għan li t-tqassim tax-xogħol f’din is-sezzjoni jibqa’ miexi b’mod normali.

TVM jinsab infurmat li l-allegat abbużi saru l-aktar fl-2019 u kienu jinvolvu Pulizija li suppost kienu jkunu ‘extra duty’ biex jidderieġu u jikkontrollaw it-traffiku f’żoni traffikużi fejn bħalissa għaddejjin proġetti infrastrutturali. Allegatament il-Pulizija kienu jirrappurtaw li jkunu ‘extra duty’ iżda minn stħarriġ li sar fl-aħħar ftit ġimgħat, instab li ma kienux jirrappurtaw għax-xogħol jew kienu jissostitwixxu lil xulxin fi skema u jgħaddu l-flus bejniethom fuq l-idejn.

F’każi minnhom, il-Pulizija ta’ kontra r-reati ekonomiċi sabu li l-vetturi jew muturi tal-uffiċjali tat-traffiku li suppost kienu jkunu ‘extra duty’ kien ikollhom is-sistema tad-datatrak mitfija jew imbagħbsa waqt li mid-data ta’ lokalizzazzjoni tal-mobile personali tagħhom, instab li kienu jkunu d-dar jew postijiet oħrajn mhux relatati max-xogħol. F’każ minnhom, uffiċċjal fit-taqsima tat-traffiku li m’għandux liċenzja tas-sewqan tal-mutur, kien jirrapporta ‘extra duty’ bil-mutur.

Għalkemm il-Pulizija jidher li għandha ħafna provi, l-investigazzjoni qed titqies bħala ‘twila u kumplessa ħafna’ biex jingabru l-provi kollha qabel jitressqu nies il-Qorti.

Il-każ beda jiġi investigat madwar tliet ġimgħat ilu meta persuna li ddeskriviet lilha nfisha bħala ‘whistleblower’ bagħtet email anonima lill-Prim Ministru Robert Abela u għadd ta’ politiċi u persuni oħrajn li fiha allegat li żewġ uffiċjali li kienu fis-security detail tal-Prim Ministru kienu qed jippruvaw jiskopru l-identità tiegħu bil-għan li l-każ jibqa’ mistur. Il-Prim Ministru Abela qal li kif sar jaf bl-allegazzjonijiet, iż-żewġ uffiċjali ntbagħtu lura fit-taqsima tat-traffiku u mhux eskluż li qed ikunu investigati.

It-Tlieta mistoqsi dwar dan il-każ, il-Prim Ministru qal li l-fatt li l-Korp tal-Pulizija qed jinvestiga membri fi ħdanu juri li qed jiffunzjona b’mod tajjeb u jħalli f’idejn l-investigaturi għal passi li se jittieħdu kontra dawk involuti.

“Jekk l-investigazzjonijiet se jsibu biżżejjed raġunijiet għala dawn il-persuni jitressqu l-Qorti jew jittieħdu passi dixxiplinarji oħrajn kontra tagħhom, isir hekk”.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sejjaħ lill-korp tal-Pulizija biex jaqleb il-paġna biex jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu waqt li appella lill-Gvern jaċċetta t-talba għall-ħatra ta’ kummissarju ġdid b’kunsens u b’mekkaniżmu miftiehem mal-Oppożizzjoni.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT (2): Mat-30 pulizija arrestati fuq abbuż mis-sahra