Lokali
Jirsistu għad-donazzjoni tad-demm u l-organi wara li huma stess ġew fil-bżonn

Christine Grixti u Claudine Muscat għandhom żewġ affarijiet komuni. It-tnejn jaħdmu fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u tnejn iħossuhom obbligati għad-donazzjonijiet tad-demm u fil-każ ta’ Christine għad-donazzjoni ta’ qalb li rċievet sentejn ilu. Christine u Claudine issa qegħdin fuq quddiem fil-kampanja tal-post tax-xogħol tagħhom biex jiżdiedu d-donaturi tad-demm u tal-organi.

Christine Grixti għexet nofs ħajjitha bi problemi serji f’qalbha. Għamlet snin dieħla u ħierġa l-isptar tilgħabha mal-mewt. Kollox beda meta kellha tmintax-il sena minn virus li attakkalha l-muskolu tal-qalb.

Christine Grixti qalet “kien diffiċli ħafna għax kont naf li għandi heart failure u kont naf li l-unika mezz li jien nista’ ngħix huwa li jkolli qalb.”

Sakemm instabitilha qalb, bħal daż-żmien sentejn ilu, kull emozzjoni, anke l-iċken waħda, kienet tagħmlilha ħsara kbira.

“L-agħar kienu l-aħħar sena, l-aħħar ftit xhur qabel ma ġiet il-qalb, fejn litteralment ma stajtx nifraħ għal żewġ minuti. Kelli episodji fejn daħlet l-ICD, li hi salva vita dankollu għax kont eċitata fuq okkażjoni partikolari” qalet Christine Grixti.

Illum, Christine Grixti hija attiva f’kampanji favur id-donazzjoni tal-organi u anke tad-demm. Mill-esperjenza tagħha dawn imorru flimkien għax f’kull trapjant hemm ħtieġa wkoll għad-demm u fil-każ tagħha aktar milli kien mistenni.

“On Friday għamilt l-operazzjoni kollox kien għaddej ħarir imma mal-lejl on Saturday tlift two litres of blood which was not expected u immedjatament kellhom jagħtuni two litres of blood because I remained with only one litre of blood so I was dying just the same” qalet Christine Grixti.

Id-demm huwa l-ħajja għal Claudine Muscat li tbati mit-Thalassaemia. Minħabba din il-kundizzjoni ġenetika li taffettwa ċ-ċelloli l-ħomor fid-demm, hija jkollha bżonn tieħu d-demm kull erba’ – ħames ġimgħat.

“Nirċievi erba’ boroz ta’ demm. Bħala ammont qed nitkellmu fuq litru ta’ demm. Biex inkun preċiża jien nirċievi ċ-ċelloli l-ħomor tad-demm. Wasalt fejn wasalt f’ħajti d-demm dejjem żammni b’saħħti mingħajr id-demm jien inħossni ħafna għajjiena u ma nkunx nista’ nikkonċentra. Sempliċiment jekk nitla’ taraġ nibda nħossni wkoll għajjiena” qalet Claudine Muscat.

Christine u Claudine – jaħdmu mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija li b’kollaborazzjoni mas-Servizz tat-Trasfużjoni tad-Demm nhar il-Ġimgħa se jorganizza l-avveniment “Bloody Late”. L-għan tal-avveniment fl-ESPLORA fil-Kalkara hu li jiżdied l-għarfien dwar id-donazzjoni tad-demm u l-organi. Bejn is-sagħtejn u l-ħamsa ta’ waranofsinhar, Villa Bighi se tkun miftuħa għall-għoti tad-demm.

 

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Il-Maltapost u s-Soċjetà Maltija tal-Filatelija qed itellgħu l-fiera tal-kollezzjonisti tal-bolol magħrufa bħala Maltex. Il-fiera tat ukoll spazju lil kollezzjoni oħra biex juru d-damma ta’ oġġetti li qajla jiġu f’moħħok li…

Saħħa

Fil-gżejjer Maltin hawn mal-35,000 persuna li jingħataw kura minħabba problemi fit-taħdit fosthom 600 tifel u tifla. Dr Rita Micallef li tmexxi s-servizzi terapewtiċi fid-Dipartiment tas-Saħħa qalet lil TVM li fl-aħħar…

Kronaka

Raġel ta’ 49 sena mill-Mosta ttella’ mill-baħar mill-Forzi Armati wara li waqa’ għoli ta’ diversi metri minn fuq l-irdumijiet ta’ Ras id-Dawwara fl-akwati ta’ Għar id-Dwieb fl-Imtaħleb. TVM huwa infurmat…

Budget

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Budget għas-sena d-dieħla huwa mibni fuq tliet pilastri: il-ħolqien tal-ġid, inċentivi għal min jeħtieġ l-għajnuna biex jimxi ‘l quddiem u…

Aktar