Barranin
Jisgħol u jieħu n-nifs – it-tifel li waqa’ mill-cable car jibda ħiereġ mill-koma

It-tifel ta’ 5 snin li baqa’ ħaj fid-diżgrazzja li seħħet il-Ħadd li għadda wara li cable car waqgħet bih u 14 oħra qrib ix-xmara Maggiore fit-Tramuntana tal-Italja, beda jiġi f’tiegħu ftit ftit.

Iċ-ċkejken Eitan, li jinsab rikoverat fl-isptar tat-tfal Regina Margherita f’Turin, beda jisgħol u saħansitra jieħu l-ewwel nifsijiet waħdu. Riżultati, li qed jagħtu tama lit-tobba li t-tifel jista’ joħroġ minn dan is-saram.

Hu mifhum li t-tifel ma ġarrabx ġrieħi f’wiċċu u daqstant serji f’rasu bis-saħħa ta’ missieru li ħaddnu miegħu biex jevitalu d-daqqa.

It-tim mediku li għandu lil Eitan f’idejh, illum beda l-proċess biex it-tifel joħroġ mill-koma u jibda jiftaħ għajnejh.

Il-komunitajiet Ebrajċi ta’ Turin, Ruma u Milan bdew jiġbru l-flus biex jagħtu daqqa t’id kif jistgħu lil Eitan li ġaladarba jerġa’ jiġi f’tiegħu se jiġi mgħarraf li tilef lill-għeżież tiegħu.

Fi żvilupp ieħor, filmati miġbuda minn għadd ta’ kameras tas-sigurtà fiż-żona juru li l-cable car waqgħet b’veloċità ta’ aktar minn 100 km fis-siegħa.

Fid-diżgrazzja ta’ nhar il-Ħadd Eitan tilef lil missieru, lil ommu, lil ħuh iż-żgħir u lill-bużnanniet tiegħu.