Lokali
Jisħaq fuq id-dover ta’ Malta li tħares id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt

Malta llum qed tfakkar il-55 sena mill-kisba tal-Indipendenza. L-anniversarju jfakkar it-twelid ta’ Malta bħala stat sovran wara sekli ta’ ħakmiet barranin.

L-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż sellmu lil Malta Indipendenti bit-tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument fil-Floriana li jfakkar din il-ġrajja.

Qabel, ġiet iċċelebrata quddiesa fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, bl-Arċisqof Charles J. Scicluna jisħaq fuq id-dover ta’ Malta li tippromwovi s-saltna tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Fakkar lil dawk fit-tmexxija li għandhom iħaddnu l-politika bħala servizz u li l-kontabbiltà titlob li jkunu suġġetti għall-iskrutinju pubbliku.

Il-festa nazzjonali tal-Indipendenza tfakkret b’pontifikal fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann li għalih attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.

Fl-omelija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna għamel riflessjonijiet dwar il-governanza, bħala l-arti tal-amministrazzjoni tal-istat fuq livell nazzjonali u internazzjonali. L-Arċisqof fakkar f’sejħa importanti li għandu min imexxi: ir-responsabbiltà għal għemilu jew il-kontabbiltà, li kompla jgħid titlob li t-tmexxija toqgħod għall-iskrutinju u ċ-ċensura tal-pubbliku.

“F’demokrazija ta’ vera, l-amministratur/mexxej jaf tajjeb li jrid jagħti kont lill-poplu li jservi kemm mill-aspett politiku, kif ukoll mill-aspett legali. Huwa jħaddan il-politika bħala servizz lejn il-ġid komuni u jirrispetta l-fatt li hu mhuwiex ‘il fuq mil-liġi.”

Monsinjur Scicluna qal li Jum l-Indipendenza jisfida lill-Maltin biex jiżviluppaw sens ta’ stat awtentiku u ma jibqgħux jippretendu li jirċievu kollox mill-id ħanina tal-istat iżda jimxu lejn l-attitudni li jieħdu sehem fid-destin tas-soċjetà Maltija. Wera l-fehma li biex tkun ċittadin veru u leali ta’ pajjiż indipendenti għandek l-ewwel u qabel kollox tistaqsi x’tista’ tagħmel għall-pajjiż, aktar milli x’jista’ jagħmel il-pajjiż għalik. L-Aċisqof appella għall-maturità biex minn dipendenza passiva fuq l-istat, nimxu lejn sitwazzjoni fejn l-istrumenti tal-istat nagħmluhom mezz ta’ ħarsien ta’ kull membru tas-soċjetà, speċjalment ta’ min hu l-aktar dgħajjef u vulnerabbli.

Għall-Arċisqof Scicluna, Jum l-Indipendenza jitlob kont ta’ kif qegħdin inwettqu s-sejħa tar-responsabbiltà fuq livell internazzjonali. Hu bir-raġun, qal l-Arċisqof, li Malta tippretendi li pajjiżi oħra Ewropej jaqsmu r-responsabbiltà għall-influss tal-immigranti, li qal hi ħafna akbar mir-riżorsi limitati tal-pajjiż. Żied jgħid li mill-banda l-oħra, Malta għandha doveri lejn pajjiżi oħra.

“Li l-istrumenti tal-istat u l-istatus sovran tagħna jibqgħu jippromwovu l-ħakma tad-dritt, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet umani u l-ħarsien tal-komunità dinjija.”

Talab li Malta u l-poplu jħaddnu sens veru tal-amministrazzjoni u tal-ħarsien bħala mod ta’ tmexxija u bħala stil ta’ ħajja.

Wara l-quddiesa, il-President George Vella, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sellmu lil Malta Indipendenti bit-tqegħid ta’ bukketti ta’ fjuri fuq il-monument fil-Floriana li jfakkar il-ġrajja tal-21 ta’ Settembru 1964.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Bdiet tieħu l-forma triq ġdida, li skont il-pjani ta’ Infrastructure Malta, sa erba’ xhur oħra se tkun tista’ tibda tintuża mill-eluf ta’ vetturi li mill-Imrieħel jitilgħu ‘l fuq, lejn ir-Rabat…

Safar

Wara li tard ilbieraħ il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-Maltin se jkunu jistgħu jżuru 19-il pajjiż meta l-ajruport jerġa’ jibda jopera titjiriet normali mill-1 ta’ Lulju, illum il-Prim…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 kienet ikkontrollata f’Malta, fejn għalkemm ħafna nies inżammu d-dar iżda tpoġġew fi kwarantina. Semmiet il-fatt li l-RT erġajna niżżilniha, u din…

COVID-19

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pajjiż rebaħ il-gwerra kontra l-Covid-19. F’konferenza tal-aħbarijiet Dr Fearne qal li ma jfissirx li għax pajjiżi oħra għadhom fil-gwerra, Malta…

Aktar