Qorti
Jisħaq li fil-ħelsien mill-arrest ikunu kkunsidrati wkoll l-interessi tas-soċjetà

Il-Maġistrat Joseph Mifsud saħaq li fl-għotja ta’ ħelsien mill-arrest ta’ persuni akkużati b’reati serji, il-Qorti trid tqis ukoll l-interessi tas-soċjetà, u mhux biss dawk tal-akkużat.

Dan qalu meta jumejn ilu kien qed jiddeċiedi fuq talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat Herman Sant, li jinsab akkużat b’pussess ta’ droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Qal li l-Qorti trid tikkunsidra l-interessi tal-imputat li l-libertà tiegħu tkun qegħda tiġi meħuda, u mill-banda l-oħra trid tara li tibbilanċja dawn l-interessi mal-interessi tar-Repubblika li trid tara li l-Ġustizzja ssir mingħjar xkiel.

Żied li għandu jittieħed ukoll qies fuq dak li tkun għaddejja minnu l-familja tal-imputat, li ħafna drabi qal tkun issofri fis-skiet ta’ darha, imbeżża’, mhedda u misruqa mill-ulied stess.

Saħaq li lil hinn minn dan, hemm bżonn li jitħarsu l-interessi tas-soċjetà, li ħafna drabi jkunu huma li jinsterqu, jissawtu u jkunu mhedda fi djarhom, fit-toroq u fil-ħwienet.

“Il-Qorti wisq tibża’ li fl-aħħar snin enfasizzajna wisq fuq id-drittijiet tal-imputati kif għandu jkun, iżda ma tajniex widen biżżejjed għal dawk kollha li jgħixu fis-soċjetà tagħna li għandhom bżonn il-protezzjoni tal-Qrati wkoll,” qal il-Maġistrat Mifsud

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Mifsud qies li l-imputat hu preżunt innoċenti sakemm ikun dikjarat mod ieħor, iżda qies ukoll l-akkużi serji u l-fatt li l-imputat jinsab akkużat ukoll bi ksur ta’ kundizzjonijiet għall-Ħelsien mill-Arrest, kif ukoll li l-fedina penali tiegħu  mhix waħda netta.

Il-Qorti għalhekk ċaħditlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest.