Ekonomija u Finanzi
Jisħaq li Malta se topponi bil-qawwa tibdil fis-sistema unanima dwar it-taxxa

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li Malta se topponi bil-qawwa li d-deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet tat-taxxa ma jibqgħux jiġu deċiżi b’unanimità mill-istati kollha tal-Unjoni Ewropea.

Dan hekk kif il-Kummissjoni Ewropea nediet dibattitu biex dawn id-deċiżjonijiet jibdew jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata u b’hekk jitneħħa l-veto fi kwistjonijiet ta’ taxxa.

L-għada li l-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal dibattitu għal riforma fil-politika ta’ tassazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal lil TVM li Malta se topponi li jkun hemm bidla fis-sistema unanima għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa.

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal “Malta se topponi dan il-pass bill-qawwa kollha u mhux se tħalli, jiġifieri, għax trid il-permessi tal-pajjiżi kollha biex nibdlu l-proċeduri kif issir dil-ħaġa.”

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li fuq it-tassazzjoni ma jkunx hemm aktar il-ħtieġa ta’ qbil mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, imma li jkun hemm maġġoranza kwalifikata kif diġà jseħħ f’ħafna setturi oħra tal-politika tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni qed targumenta li b’dan il-mod l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu kompromessi aktar effettivi u demokratiċi f’inqas ħin.

Il-Ministru Scicluna qal li diġà saru diversi riformi fis-sistema tat-taxxi fl-Unjoni Ewropea minkejja li hemm id-dritt tal-veto. Saħaq li t-trattati jgħidu ċar li t-taxxa hija fir-responsabbiltà ta’ kull pajjiż individwali imma li bi qbil jistgħu jsiru direttivi kif diġà sar.

“Min qed jaħseb li trid bilfors tneħħi l-veto biex inti tisforza fuq pajjiż jew pajjiżi. Li nafu hu li mhux veru li għax hemm min jagħti l-impressjoni li l-Irlanda, il-Lussemburgu u Malta għandhom xi interess li ma jibdlux it-taxxa u dan kollu” qal il-Ministru Scicluna.

Il-Ministru żied li hemm aktar pajjiżi fosthom dawk Baltiċi, l-Iżvezja u d-Danimarka li qed jopponu ċertu ideat li ma jagħmlux ġid fil-kompettitività Ewropea bħalma hi t-taxxa diġitali.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana Pierre Moscovici qal li jekk l-unanimità f’dan il-qasam kienet tagħmel sens fis-snin ħamsin, b’sitt stat membru, illum dan m’għadux jagħmel sens. Argumenta li r-regola tal-unanimità fit-tassazzjoni hija l-aktar problematika.

Is-Sur Moscovici qal “we can’t keep with unanimity in the 21st century for decision making given that we need to deliver public good by means of taxation.”

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li minħabba r-regola tal-unanimità hemm proposti fosthom għall-ġustizzja fiskali li ilhom imblukkati bosta snin.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Jekk hemm aspett li jispikka fuq oħrajn fil-ġrajja tal-mewt ta’ Ġesà hi t-tbatija. Il-knisja parrokkjali tal-Fontana, f’Għawdex, għandha statwa ġdida li tirrappreżenta mument partikulari ta’ tbatija: il-flaġellazzjoni, b’Ġesù marbut ma’…

Teknoloġija

Tnieda fond ta’ żewġ miljun ewro ta’ GO Ventures, immirat lejn kumpaniji żgħar fil-qasam tat-teknoloġija. Fit-tnedija tal-fond, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li biex Malta tibqa’ fuq quddiem tar-rivoluzzjoni diġitali…

Stejjer Umani

Irġiel u nisa b’diżabbiltà llejla ġeddew mument mill-Aħħar Ikla ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu. Hekk kif il-Knisja Kattolika tat bidu għat-Tridu tal-Għid, iċ-ċelebrazzjoni ewlenija tal-lejla fil-parroċċi tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u tinkludi…

Kronaka

Persuna ta’ 63 sena mir-Rumanija ġiet rikoverata wara li ttajret fil-Gżira. Il-Pulizija qalet li kienet infurmata bl-inċident fi Triq il-Gżira għall-ħabta tal-5.30 pm. Mill-ewwel stħarriġ ħareġ li l-persuna ntlaqtet minn…

Aktar