Lokali
AĠĠORNAT: Jisirqulha l-baskett b’affarijiet ta’ valur waqt li kienet qed tgħum

Mara li lbieraħ kienet qed tgħum f’Baħar iċ-Ċagħaq sfat vittma ta’ serqa.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ TVM li rċeviet rapport li mara sabet baskett nieqes xħin telgħet mill-baħar. Spjega li l-Pulizija marret fuq il-post u bdiet tinvestiga din is-serqa.

Ritratti meħuda minn CCTV camera ta’ kiosk fil-viċin juru persuna, li kienet liebsa beritta, miexja bil-baskett miftuħ f’idejha.

Il-vittma tas-serqa qalet li fil-baskett kien hemm affarijiet ta’ valur fosthom cards, mobile, nuċċali u ċurkett. Qalet li kull oġġett li kellha fil-baskett kien importanti għaliha. Spjegat li aktar tard mara sabet il-cards tagħha mormija fi triq fil-Birgu.

F’post fuq Facebook, il-mara kkritikat lill-pulizija għall-mod kif skontha ttrattaw il-każ.