Qorti
Jiskansa l-ħabs għax ħafirlu missieru

Raymond Bonnici ta’ 57 sena residenti l-Marsa ammetta li seraq €5,000 lil missieru minn dar tal-anzjani f’Bormla.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija. Spjegat li l-akkużat nefaq kważi l-flus kollha u fadal biss €350.  Intqal li l-vittma, il-missier, qalilhom li jekk jagħtih il-flus lura jaħfirlu.

L-avukati difensuri Jacques Grima u Gianluca Caruana Curran qalu li r-raġel għandu kondotta nadifa u kien jieħu ħsieb lil missieru kuljum u li missieru ħafirlu.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, ikkundanatu 18-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin. Hija ordnatlu li jrid iħallas l-ammont ta’ €4,650 fi żmien 30 xahar.