Qorti
Jiskansa l-ħabs għax ma kienx jaf li kellu bżonn liċenzja biex isiefer bl-armi

Passiġġier barrani, li spiċċa fl-inkwiet wara li nstab li kellu żewġ armi bla liċenzja fil-bagalja tiegħu, ingħata sentenza sospiża.  Is-sejba saret minn uffiċjali fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.

L-Ingliż John Michael Doyle ta’ 54 sena minn Bristol kien se jitla’ abbord titjira lejn ir-Renju Unit mingħajr ma kien jaf li kellu bżonn liċenzja biex iġorr l-armi miegħu.

L-Ispettur Silvio Magro, li kien qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal fil-Qorti li l-passiġġier ma kienx jaf x’tistipula l-liġi.  Żied jgħid li Doyle kien qed jipprova jibgħat l-armi lil ħuh li kellu l-liċenzja biex jużahom.

L-avukat tal-għajnuna legali Noel Bartolo spjega kif ir-raġel ma kienx jaf li kien jeħtieġ permess u enfasizza li l-klijent tiegħu kien iddikkjarahom u ma ppruvax jaħbihom.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u ma kisirx is-sigurtà.  Dr Bartolo qal li kieku kien hawn ħuh għat-trasferiment tal-armi kieku ma kinitx tinħoloq din il-problema.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri kkundannat lil Doyle għal 7 xhur ħabs sospiżi għal sena.

Il-Maġistrat osserva li minkejja l-ammissjoni tal-akkużat fi stadju bikri u li kkopera mal-Pulizija l-fatt li ma kienx konxju ta’ xi tgħid il-liġi mhix skuża għall-Qorti.

Il-Qorti ordnat il-konfiska taż-żewġ armi li kien qed iġorr l-Ingliż fl-ajruport, li huma Beretta shotgun u pistola .22.