X

Jiskansa sitt xhur ħabs wara li saħnitlu rasu fuq parkeġġ

Raġel li kien ikkundannat sitt xhur ħabs kellu s-sentenza mibdula mill-Qorti tal-Appell, wara li qieset iċ-ċirkostanzi kollha ta’ ħajtu.

Kenward Jake Bonello ta’ 23 sena kien ġie akkużat li weġġa’ gravi lil Godfrey Grech ta’ 69 sena meta erba’ snin ilu dawn kellhom argument fit-triq f’Bormla.

L-argument jidher li beda fuq parkeġġ tal-vetturi, bil-Qorti tal-Appell tirrimarka li wara li rat is-Social Inquiry Report fehmet għalfejn Bonello għadda daqshekk malajr minn stadju ta’ diskussjoni għal rabja u eventwalment għall-vjolenza.

Il-Qorti żiedet tgħid li l-kondotta ta’ Bonello hija nadifa, għajr għal każ ta’ sewqan bla liċenzja li seħħ wara l-każ tal-argument.

Iktar minn hekk il-Qorti qieset li ċ-ċirkostanzi fil-ħajja ta’ Bonello huma tali li mhux kulħadd ikun kapaċi jegħlibhom, iżda huwa mhux biss għamel dan, iżda wkoll assuma doveri f’ħajtu li jmorru lil hinn min-normalità.

Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, issospendiet is-sentenza ta’ sitt xhur ħabs b’sentejn.