Qorti
Jiskansa tliet xhur ħabs fuq traffikar tal-kannabis wara li rriforma ruħu

Raġel ta’ 30 sena skansa tliet xhur ħabs fl-istadju tal-appell fuq reat ta’ bejgħ ta’ kannabis li kien instab ħati li wettaq meta kellu 19-il sena.

Stuart Piscopo kien instab ħati li fl-2009 biegħ raża tal-kannabis lis-sekonda kuġina tiegħu, li wara li ħadet xi nifsijiet minnha ntilfet minn sensiha u spiċċat mitluqa fuq bankina f’Ħal Safi.

Il-Pulizija waslet għal Piscopo abbażi ta’ dak li qalet it-tfajla, kif ukoll ġuvni li kien magħha dak il-ħin li nxtrat il-kannabis. Fi tfittxija li saret fid-dar ta’ Piscopo ma kienet instabet ebda droga, iżda nstab biss skartoċċ vojt.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ma laqgħetx l-argument tad-difiża, li l-istqarrija li t-tfajla tat lill-Pulizija ma kinitx ammissbli għaliex ingħatat mingħajr l-assistenza ta’ avukat, u dan għaliex hija stess reġgħet ikkonfermatha meta xehdet quddiem il-Qorti.

Fl-istess waqt il-Qorti kkunsidrat ir-rapport tal-uffiċjal tal-probation li jindika li Piscopo qed jgħix ‘il bogħod mid-droga, fejn għandu xogħol li ilu fih diversi snin, u qiegħed f’relazzjoni stabbli u għandu wild.

Għalhekk il-Qorti kkonkludiet li s-sentenza effettiva ta’ ħabs għandha tinbidel f’waħda sospiża għal sentejn, filwaqt li kkonfermat il-multa ta’ €700.

Sadanittant, f’każ separat, mara li kienet ikkundannata 21 xahar ħabs fuq traffikar u pussess ta’ eroina, kokaina u kannabis, kellha s-sentenza tagħha kkonfermata mill-Qorti tal-Appell.

F’dan il-każ il-Qorti kkonkludiet li Charmain Bezzina ta’ 40 sena ma kinitx irriformat ruħha għax kienet diġà nstabet ħatja ta’ sitt reati oħra, u kienet anki ġiet ikkundnannata piena ta’ ħabs effettiva.