Politika
Jista’ jkollna partit ġdid: il-Partit Popolari. Applikaw mal-Kummissjoni Elettorali biex jirreġistrawh

Il-Kummissjoni Elettorali kkonfermat ma’ tvm.com.mt li rċeviet applikazzjoni biex jiġi rreġistrat partit politiku ġdid bl-isem: il-Partit Popolari. Fix-xhur li għaddew, dan l-isem kien propost li jingħata lill-Partit Nazzjonalista bħala parti mill-proċess għal riforma fl-istatut. Iċ-ċentru tal-aħbarijiet iżda jista’ jikkonferma li l-persuni wara l-applikazzjoni għall-partit b’dan l-isem m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kummissjoni Elettorali qed tanalizza applikazzjoni li rċeviet mill-Partit Popolari. L-applikazzjoni ddaħħlet daqs xahar ilu u kienet iffirmata minn tliet persuni. Waqt li kkonferma li l-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dan il-partit, kelliem għall-Kummissjoni Elettorali qal li mhux f’pożizzjoni li jagħti tagħrif dwar fiex waslet l-analiżi tal-applikazzjoni.

Apparti l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, mal-Kummissjoni Elettorali hemm reġistrati 8 partiti politiċi oħrajn. Dawn jinkludu l-Alternattiva Demokratika, il-Partit Demokratiku, l-Alleanza Bidla, Brain Not Ego, il-Moviment Patrijotti Maltin u Imperium Europa. Magħhom żewġ partiti marbuta ma’ lokalitajiet: Floriana l-Ewwel u Għarb l-Ewwel.

Il-kelliem għall-Kummissjoni Elettorali spjega li qabel ma partit ikun irreġistrat, irid ikun konformi mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi. Mal-applikazzjoni jrid jiġi ppreżentat l-istatut li jrid ikun disponibbli għall-pubbliku. Kull partit politiku hu obbligat li kull sena jippreżenta rapport tad-donazzjonijiet u rapport finanzjarju lill-Kummissjoni Elettorali.

Sorsi qalu lil tvm.com.mt li fost dawk li qed jappoġġjaw it-twaqqif tal-Partit Popolari hemm uħud mill-esponenti li din il-ġimgħa organizzaw dimostrazzjoni fil-Belt kontra l-immigrazzjoni illegali. L-istess sorsi qalu li diġà għaddejjin kuntatti bejn attivisti ta’ dan il-partit u tal-Imperium Europa biex ikun hemm kollaborazzjoni bejniethom fl-elezzjonijiet futuri.