Lokali
Jistaqsi għalfejn Liam Debono ma twaqqafx qabel

Filwaqt li ddeskriva l-każ ta’ nhar it-Tlieta li fih Kuntistabbli spiċċa jissielet għal ħajtu bħala “deplorabbli u xokkanti,” il-Professur Andrew Azzopardi qal li wieħed għandu jesplora kif iż-żagħżugħ Liam Debono, li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-pulizija, ma twaqqafx qabel, meta żgur li din l-imġieba kienet diġà dehret f’mumenti oħra.

Mistoqsi minn TVM jekk jaqbilx li l-każ ta’ nhar it-Tlieta huwa sintomu ta’ ġenerazzjoni nieqsa mir-rispett lejn l-awtoritajiet, id-Dekan għall-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà qal li hija sfortuna li inċident bħal dan qed jitfa’ dell ikrah fuq iż-żgħażagħ kollha.

“Iż-żgħażagħ fil-maġġoranza tagħhom huma persuni li jħobbu jgħixu u jagħmlu t-tajjeb. Iva jkollhom il-mumenti tagħhom minħabba t-transizzjonijiet li għaddejjin minnhom, imma dan ma jfissirx li jaslu għal din it-tip t’ imġieba,” qal Prof. Azzopardi.

“Huwa persuna li jkun neża’ minn kull sens ċiviku u uman” – Prof Azzopardi

Sostna li min jagħmel dak li jidher li seħħ lill-Kuntistabbli Schembri għandu problemi ulterjuri. “Huwa persuna li jkun neża’ minn kull sens ċiviku u uman… dan mhux ‘mindset’ taż-żgħażagħ, dan huwa ‘mindset’ ta’ żagħżugħ li jixraqlu li jkun ġustizzjat u fl-istess ħin mogħti għajnuna terapewtika.”

Il-Professur Azzopardi ma eskludiex li fost iż-żgħażagħ seta’ naqas ir-rispett lejn l-awtorità, iżda saħaq li dan ma jfissirx li jkun hemm attentati ta’ qtil u inċidenti bħal dawn. Qal li iktar iħoss li hemm nuqqas ta’ biża’ mill-awtoritajiet, kif ukoll il-fatt li ż-żgħażagħ huma aktar emanċipati jġiegħlhom jistaqsu akar u joqgħodu anqas għall-kontroll tal-kbar.

Tenna iżda li dak li jidher li għamel dan iż-żagħżugħ huwa att ta’ bniedem wieħed u ma jaċċettax li din hija xi attitudni li tara mill-maġġoranza taż-żgħażagħ. “Il-maġġoranza taż-żgħażagħ interessati fl-isport, fl-qasam filantropiku, fir-relazzjonijet, fil-ħruġ, fi sport, fi ħbiberiji u f’ imġiba pożittiva,” temm jgħid Prof. Azzopardi.

Aħbarijiet Oħra
Kurżitajiet

Qatt tħajjart tmur għand xi ħadd biex jaqralek ix-xorti? Min jaqra x-xorti huwa mmanipulat mix-xitan? F’Malta hawn kultura tal-okkult?  Glen Falzon stħarreġ dwar dan u tkellem ma’ xi ħadd li…

Saħħa

Dieqa kbira għall-familja li tilfet li binha ta’ erba’ snin li miet fl-isptar Mater Dei fejn idaħħal għall-kura b’kumplikazzjonijiet ikkawżati x’aktarx minn każ rari ta’ meninġite b’mikrobu partikulari. L-awtoritajiet tas-saħħa…

Aktar